Il-Gvern jagħraf li s-sistema tal-pensjonijiet hija ddisinjata fuq il-familja tradizzjonali: fejn dak li jaqla’ l-għajxien għall-familja huwa r-raġel u biex jikkwalifika għal pensjoni sħiħa irid jaħdem għal perjodu twil – 35 sena jekk twieled bejn l-1952 u l-1961 u 40 sena jekk twieled fl-1962 jew wara.
Din is-sistema tal-Pensjoni tippenalizzak jekk inti omm li taħdem. Fis-soċjetà Maltija ħafna drabi hija l-mara li toħroġ mis-suq tax-xogħol biex trabbi t-tfal wara t-twelid. Il-perjodu li tqatta’ mat-tfal wara t-twelid ivarja minn familja għal oħra: xi wħud jirritornaw lura għax-xogħol fi ftit xhur, oħrajn wara l-ewwel snin tat-tfal, u oħrajn aktar tard matul iċ-ċiklu tal-edukazzjoni tat-tifel jew tifla sakemm hu jew hi jkunu f’pożizzjoni li jfendu għal rashom.
Ikun kemm ikun iż-żmien li tieħu biex trabbi t-tfal, dan iħalli impatt għax sakemm ma tkunx qed taqla’ s-salarju, la inti u lanqas min iħaddmek mhu ser iħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tiegħek.
Dan ifisser li inti ser ikollok nuqqasijiet fl-istorja tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. B’riżultat ta’ dawn in-nuqqasijiet, inti ma tkunx f’pożizzjoni li tirċievi l-pensjoni sħiħa.
Il-Gvern, biex jindirizza l-kwistjoni tan-nuqqasijiet riżultat tat-trobbija tat-tfal, introduċa sistema li tħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-għanijiet tal-pensjoni tiegħek – magħrufa bħala akkreditar – għal dak il-perjodu li inti tkun barra mill-impjieg. Il-benefiċjarju ta’ dawn il-krediti għat-trobbija tat-tfal jista’ jkun inti jew il-konjuġi tiegħek.
Jekk inti twelidt fl-1962 jew wara
Jekk inti twelidt fl-1962 jew wara, inti ser tikkwalifika għall-krediti għall-istorja tal-pensjoni tiegħek għat-trobbija tat-tfal kif muri fit-tabella hawn taħt. Kif tista’ tara, inti ser tirċievi 4 snin ta’ krediti għal kull wild sat-tielet wild. Inti ser tirċievi dan l-intitolament irrispettivament jekk tiddeċidix li tibqa’ mal-familja jew jekk tirritornax għax-xogħol.