Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali bi pjaċir iħabbar li ffirma Memorandum ta’ Ftehim mal-Bank of Valletta u MAPFRE MSV Life fuq l-edukazzjoni dwar il-kapaċità finanzjarja.





Matul it-terminu ta’ dan il-Ftehim, li huwa ta’ ħames snin, il-Bank of Valletta u MAPFRE Life se jaħdmu ma’ ĠEMMA: Kun Af, Ippjana, Aġixxi, li hija l-pjattaforma tal-Ministeru biex iżżid l-għarfien finanzjarju, biex: (a) tiżviluppa għodda li biha tippjana l-irtirar bħala responsive website application; (b) taħdem ma’ operaturi ekonomiċi involuti fl-ippjanar tal-irtirar sabiex din l-għodda ssir l-istandard de facto u b’hekk tiżgura li l-persuni interessati li jinvestu fi pjan tal-pensjoni privata personali jkollhom aċċess
għall-projezzjonijiet komuni tal-pensjonijiet li jkunu “awtorevoli, fdati u indipendenti” ġġenerati taħt il-brand ta’ ĠEMMA; u (ċ) twettaq inizjattivi konġunti ta’ għarfien u edukazzjoni dwar il-kapaċità finanzjarja.
Dr Michael Falzon, il-Ministru responsabbli għal ĠEMMA, irringrazzja kemm lill-Bank of Valletta kif ukoll lil MAPFRE MSV Life għall-finanzjament tar-responsive website application, l-għodda li biha tista’ tippjana l-irtirar, li se tkun imfassla fuq l-għarfien ipprovdut minn ĠEMMA dwar kif taħdem is-sistema kontributorja tas-sigurtà soċjali tal-pensjoni. Dr Falzon żied jgħid li informazzjoni konsistenti u awtorevoli dwar il-projezzjonijiet tal-pensjonijiet se tirriżulta f’deċiżjonijiet infurmati aħjar relatati mal-irtirar miċ-ċittadini Maltin kif ukoll żieda fil-fiduċja fil-fornituri tal-prodotti tal-pensjoni. Dr Falzon esprima l-aspettattiva li l-fornituri tal-pensjonijiet se jirrispondu b’mod pożittiv għal din l-għodda sabiex issir l-istandard de facto tas-suq.

Is-Sur Mark Musù, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, li lilu tirrapporta ĠEMMA, u ċ-Chairperson tal-Grupp tal-Istrateġija dwar il-Pensjonijiet, stqarr li t-twaqqif ta’ tali Memorandum ta’ Ftehim bejn ĠEMMA u istituzzjonijiet prominenti bħall-Bank of Valletta u MAPFRE MSV Life, huwa għan strateġiku tal-Istrateġija tal-Irtirar u l-Kapaċità Finanzjarja li l-Ministeru nieda fl-2017. It-twaqqif ta’ dawn is-sħubijiet strateġiċi jiżguraw li Malta tadotta strateġija kollaborattiva u kkoordinata biex trawwem kultura ta’ kapaċità finanzjarja.
Is-Sur Musù rringrazzja lit-tim ta’ ĠEMMA li fi żmien relattivament qasir bena portafoll komprensiv ta’ tixrid ta’ għarfien dwar il-kapaċitajiet finanzjarji u għamel proġetti u attivitajiet li għamlu din il-pjattaforma kredibbli tant li istituzzjonijiet finanzjarji bħall-Bank of Valletta u MAPFRE MSV Life huma lesti li jassoċjaw ruħhom magħha.
Is-Sur Kenneth Farrugia, il-Kap tal-Iżvilupp tan-Negozju fil-Bank of Valletta, enfasizza l-importanza tal-edukazzjoni finanzjarja, b’mod partikolari fil-qasam tal-pjanijiet tal-pensjoni personali. Dan speċjalment f’pajjiż li ilu jiddependi fuq il-pensjoni tal-istat għal għexieren ta’ snin. Peress li l-piż fiskali fuq il-ġenerazzjoni li jmiss, li se tidħol fis-suq tax-xogħol, huwa mistenni li jkompli jiżdied, biex isostni popolazzjoni li dejjem qed tikber, l-ippjanar tal-pensjoni personali se jkun kruċjali biex l-irtirati jkunu jistgħu jsostnu l-istandard tal-għajxien tagħhom.
Il-kalkulatur tal-irtirar, li huwa ppjanat li jiġi żviluppat bħala riżultat tal-kollaborazzjoni li ssir bejn il-Gvern, il-BOV u l-MAPFRE MSV Life, se jkun għodda importanti ħafna għall-ippjanar finanzjarju għall-klijenti li jixtiequ jippjanaw għal quddiem għall-irtirar tagħhom.
Is-Sur David G. Curmi, is-CEO ta’ MAPFRE MSV Life qal li bħala l-fornituri ewlenin kemm tal-Pjanijiet tal-Pensjoni Personali kif ukoll tal-Pjanijiet tal-Pensjoni Okkupazzjonali Volontarja fis-suq Malti, il-kumpanija hi ffukata fuq l-għoti ta’ edukazzjoni finanzjarja b’enfasi fuq l-importanza tal-ippjanar fit-tul għall-irtirar. Huwa qal li l-kollaborazzjoni li qed tinħoloq ma’ ĠEMMA u l-BOV permezz tal-iffirmar ta’ dan il-Memorandum ta’ Ftehim tiżgura li messaġġi konsistenti, rilevanti, intwittivi u awtorevoli jiġu kkomunikati fis-suq. MAPFRE MSV Life kkontribwixxiet permezz tat-tim attwarjali tagħha għall-iżvilupp tal-loġika għall-għodda għall-ippjanar tal-irtirar. Is-Sur Curmi esprima l-fiduċja tiegħu li din l-għodda hi mistennija li ssir l-għodda standard tal-industrija f’termini ta’ ppjanar tal-irtirar li jkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi u l-impjegati li tissapportjahom biex jippjanaw b’mod adegwat u effettiv għall-irtirar tagħhom.

Portal:
Facebook:
You Tube:
20 ta’ Lulju 2020