X’aktarx li matul ħajtek inti ser tesperjenza ħafna tibdil fl-istadji differenti li ser ikollhom impatt fuq il-ġid tiegħek. Inti ser tgħaddi mill-fażi ta’ student għal dik ta’ impjegat, miż-żwieġ u t-trobbija tal-familja sal-irtirar. Dawn it-tibdiliet differenti fil-ħajja jissejħu l-avvenimenti tal-ħajja jew l-avvenimenti taċ-ċikli tal-ħajja.
Matul din il-mixja ser ikun hemm żminijiet fejn inti ser tinvesti – fl-edukazzjoni, fid-dar, fit-tfal tiegħek; ser tonfoq bħala konsumatur – tixtri l-ewwel karozza tiegħek, tesperjenza d-dinja; u ser tfaddal – għal ħafna raġunijiet li jvarjaw mill-ħtieġa li tixtri karozza ġdida għall-bini tal-mezzi ta’ sikurezza għall-irtirar.
Tnejn minn dawn iċ-ċikli huma ta’ importanza sinifikanti. L-ewwel hemm il-ħtieġa tal-fehim tal-importanza tat-tfaddil u / jew l-investiment għall-irtirar tiegħek. Inti konxju mid-dħul li ser tirċievi mill-Pensjoni tas-Sigurtà Soċjali Tiegħek? Dan jaqbel mal-pjanijiet u mal-kwalità ta’ ħajja li trid li jkollok waqt l-irtirar? Jekk dan ma jaqbilx, bdejt tibni l-mezzi għas-sikurezza tal-irtirar tiegħek biex b’hekk tkun tista’ tgħix il-ħajja li tixtieq meta tirtira?
Ir-riċerka f’Malta (bil-limitazzjonijiet preżenti) u barra minn Malta turi li n-nies għandhom nuqqasijiet sinifikanti fuq it-tagħrif dwar l-irtirar. Parti minnha hija minħabba l-fatt li aħna bħala bnedmin għandna tendenza li niffukaw fuq perjodi qosra – ma naħsbux fuq perjodu fit-tul. Madanakollu, il-konsegwenzi għalik jistgħu jkunu serji jekk ma tinkludix l-ippjanar għall-irtirar matul il-mixja tal-avvenimenti tal-ħajja.
Madanakollu mhux biżżejjed li wieħed jifhem biss l-importanza tal-ippjanar għall-irtirar. Irid ikollok għarfien finanzjarju biex b’hekk tkun ċert li t-tfaddil u / jew l-investimenti li tkun warrabt għall-avvenimenti differenti tal-ħajja, kif ukoll għall-mezzi tas-sikurezza tal-irtirar, jipprovduk b’dak li tixtieq tilħaq. Safrattant għandek fehim tas-suq finanzjarju? Tafhom ir-riskji involuti meta tiddeċiedi – jew għall-argument ma tiddeċidix – biex tfaddal u / jew tinvesti fi prodott finanzjarju? Tafhom id-drittijiet tiegħek? Taf tidentifika l-bejgħ inadatt? Jekk tieħu dawn id-deċiżjonijiet importanti mingħajr ma tifhem l-impatt tagħhom, il-konsegwenzi jkunu li x’aktarx tieħu deċiżjoni żbaljata. Dan jista’ jirriżulta li inti titlef parti jew il-biċċa l-kbira tat-tfaddil u / jew l-investiment tiegħek – b’konsegwenzi finanzjarji fuq il-kwalità tal-ħajja partikolarment meta tasal qrib l-irtirar.
Il-Gvern jirrikonoxxi l-fatt li filwaqt li l-partijiet interessati differenti nedew inizzjattivi dwar l-irtirar u l-kapaċità finanzjarja, dawn kienu sporadiċi u mhux fil-kuntest ta’ approċċ koordinat.
Hekk kif fehem il-limitazzjonijiet eżistenti, fl-2016 il-Gvern nieda l-Abbozz dwar l-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Dħul mill-Irtirar u l-Litteriżmu Finanzjarju. Wara l-proċess ta’ konsultazzjoni, il-Gvern nieda l-Istrateġija għall-Irtirar u l-Kapaċità Finanzjarja fil-25 ta’ Jannar 2017.
Il-Grupp dwar l-Irtirar u l-Kapaċità Finanzjarja huwa responsabbli għall-“koordinament u x-xogħol mal-partijiet interessati biex jimplimenta l-azzjonijiet preżentati fl-Istrateġija” permezz ta’:
- l-użu ta’ toroq edukattivi biex iwasslu l-għarfien dwar id-dħul mill-irtirar u l-kapaċità finanzjarja,
- il-provvediment ta’ għarfien indipendenti u ta’ fiduċja, l-edukazzjoni, u l-informazzjoni biex jinbnew u jissaħħu l-irtirar u l-kapaċità finanzjarja madwar is-Soċjetà Maltija,
- il-ħidma fis-sħubija biex jissaħħu l-konnessjonijiet bejn il-partijiet kollha involuti fl-irtirar u l-kapaċità finanzjarja.
Il-Grupp dwar l-Irtirar u l-Kapaċità Finanzjarja mhux ser jieħu post ix-xogħol eċċellenti li qiegħed isir minn partijiet interessati diversi privati u tal-gvern fir-rigward tal-kapaċità finanzjarja. Il-Grupp pjuttost ser ifittex li jassigura kollaborazzjoni akbar u sinerġija bejn il-partijiet interessati diversi, u li flimkien mal-partijiet interessati ser jagħti bidu biex ikunu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati mill-istrateġija.
L-introduzzjoni u l-infurzar tal-kapaċità finanzjarja madwar is-soċjetà Maltija mhumiex responsabbiltajiet tal-gvern waħdu. Dawn responsabbiltajiet soċjali. L-istrateġija mhux ser titwettaq mingħajr l-isforzi konġunti ta’ individwi, familji, komunitajiet lokali, fornituri tas-servizzi finanzjarji, min iħaddem, l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, negozji, NGOs eċċ.
Huwa minnu li kull attur prinċipali x’aktarx ser jibbenefika b’riżultat tal-istrateġija dwar l-irtirar u l-kapaċità finanzjarja li hi mirfuda bil-fiduċja. Jekk ser tkun suċċess, in-nies ser ikunu infurmati aħjar fuq dak li ser ikun id-dħul tagħhom mill-irtirar meta mqabbel mal-istennija tagħhom, dwar deċiżjonijiet rigward it-tfaddil u l-investimenti, dwar tnaqqis ta’ azzjonijiet regolatorji u telf ta’ fiduċja fil-fornituri tas-servizzi finanzjarji minħabba bejgħ inadatt jew abbuż.
Barra minn hekk, hemm probabilità akbar li tali approċċ jirriżulta fi sħubija ta’ kollaborazzjoni li tippermetti li tissawwar kunfidenza hekk kif il-partijiet jaħdmu flimkien, jesploraw xejriet emerġenti, joħorġu b’ideat ġodda u jifhmu aħjar l-isfidi u l-kwistjonijiet li qed ikunu affaċċjati minnhom stess.