Aspett importanti li għandek bżonn tqis meta tkun qed tippjana għall-irtirar hu li tiddetermina meta fil-fatt se tirtira. Tixtieq tirtira fid-data statutorja tal-irtirar tiegħek? Tafha d-data statutorja tal-irtirar tiegħek? Jekk ma tafhiex, dawn huma ppreżentati f’ Tabella I hawn taħt.
Tabella I – Nifhmu d-Data Statutorja tal-Irtirar
Età | Età Statutorja tal-Irtirar |
Imwieled/a bejn l-1956 u l-1958 | 63 sena |
Imwieled/a bejn l-1959 u l-1961 | 64 sena |
Imwieled/a fl-1962 jew wara | 65 sena |
Inkella, tista’ tagħżel li tirtira kmieni – fl-età ta’ 61 sena.
Biex tirtira kmieni, jeħtieġ li tqis dan li ġej:
- Irid ikollok 61 sena u għandek bżonn:
- Storja ta’ 35 sena ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa kollha jekk twelidt bejn l-1956 u l-1961.
- Storja ta’ 40 sena ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa kollha jekk twelidt bejn l-1962 u l-1968.
- Storja ta’ 41 sena ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa kollha jekk twelidt fl-1969 u wara.
- Billi tiddeċiedi li tirtira kmieni, qed tagħżel divertiment personali kontra li tkompli tkun ekonomikament attiv fil-forza tax-xogħol. Għal dan il-għan, jekk tirtira kmieni, m’intix permess taħdem matul l-irtirar tiegħek sakemm tilħaq l-età ta’ 65 sena. Dejjem tista’ terġa’ tidħol fil-forza tax-xogħol u tabbanduna l-irtirar bikri tiegħek.
Tista’ tinnota li jekk tkompli taħdem lil hinn mill-età bikrija tal-irtirar ta’ 61 sena, il-Gvern iżid id-dħul tal-pensjoni tiegħek, kif muri fit-Tabella II hawn taħt.
Tabella II – Żieda fid-Dħul tal-Pensjoni tiegħek jekk taħdem lil hinn minn 61 sena
Età | Żieda fid-Dħul tal-Pensjonijiet |
62 sena | +5% |
63 sena | +5.5% |
64 sena | +6% |
65 sena | +6.5% |
Għalhekk, jekk taħdem sa 65 sena, tista’ taqla’ 23% addizzjonali fuq id-dħul tal-pensjoni tiegħek. Barra minn hekk, din iż-żieda fid-dħul tal-pensjonijiet se tgawdiha wkoll il-konjuġi tiegħek f’każ ta’ mewtek.
Meta tirtira huwa fattur importanti peress li dan jista’ jkun fattur li bih taqla’ dħul addizzjonali kif ukoll iżżid id-dħul tal-pensjoni tal-irtirar tiegħek. Barra minn hekk, li taħdem wara l-65 sena, jagħtik lok li taqla’ aktar, għax tirċievi l-pensjoni tiegħek, u ma tħallas l-ebda kontribuzzjoni ulterjuri tas-sigurtà soċjali fuq id-dħul li tkun taqla’. Aktar tard l-irtirar x’aktarx li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tiegħek hekk kif qed taqla’ paga jew tiġġenera dħul. Irtirar aktar tard ifisser ukoll li l-perjodu ta’ żmien meta tkun qed tirċievi biss il-pensjoni tal-istat tiegħek jonqos u għalhekk, it-tfaddil akkumulat u l-irtirar tiegħek x’aktarx li jqarrbu lejn il-kwalità tal-ħajja li trid tgawdi matul l-irtirar.
Allura kun żgur li tqis id-data li tixtieq tirtira meta tkun qed tippjana l-irtirar tiegħek.
Huwa importanti li jekk inti f’pożizzjoni li tagħmel dan, tibda tfaddal għall-irtirar tiegħek f’età bikrija. Huwa importanti wkoll li inti teduka lit-tfal tiegħek sabiex dawn jibdew iġemmgħu għall-irtirar minn kmieni. Innota li jekk iġġemma’ €83 fix-xahar għal 40 sena mill-età ta’ 25 sena, bħala riżultat ta’ rata kumulattiva ta’ mgħax ta’ 2.5%, jagħti lil persuna pakkett ta’ rtirar ta’ €70,000 jew xi ħaġa simili.