Julian Galea Filletti, student ta’ 11-il sena fil-Kulleġġ Santu Wistin (Pietà), huwa student promettenti li għandu diversi passatempi li jinkludu t-tennis, l-isquash, l-għawm, u l-arti. Julian jagħmel l-għalmu tiegħu sabiex jibbilanċja l-ħin ta’ żvog u tal-kreattività ma’ ħin għal tagħlim li huwa siewi għall-hajja.
Minn età żgħira, Julian tgħallem l-importanza li jieħu ħsieb il-flus, u diġà jaf japprezza l-importanza li nqassmu l-flus li jkollna sabiex iservu għall-bżonnijiet essenzjali bħall-ikel, saqaf fuq rasna, u trasport.
Dan l-aħħar, Julian ipparteċipa f’kompetizzjoni nazzjonali organizzata minn ĠEMMA li dehret fir-rivista Sagħtar bl-isem “Ħu Ħsieb Il-Flus Tiegħek! Oqgħod Attent Mill-Iskemi ta’ Frodi”. Il-kompetizzjoni kellha l-għan li, b’mod sempliċi, tqajjem kuxjenza fost it-tfal dwar it-tipi differenti ta’ frodi online. Il-frażi li ħoloq Julian kienet sempliċi iżda li twassal il-messaġġ b’mod preċiż!
“Jekk inti u l-flus tibqgħu ħbieb, oqgħod attent u ħu ħsieb!”
Julian rebaħ One 4 All voucher ta’ €60 u r-rispett ta’ ħafna għall-approċċ maħsub u kreattiv tiegħu.
Nistiednukom sabiex, bħal ma għamel Julian iżżommu għajnejkom miftuħa għall-kompetizzjoni ta’ ĠEMMA li jmiss. Jista’ jkun iċ-ċans tiegħek li tirbaħ!