
Ix-xiri tad-dar huwa eċitanti u jbiddillek ħajtek. Li tfaddal għad-depożitu, li se tpoġġi meta tasal biex tieħu self, huwa importanti. Ftakar, aktar ma tpoġġi flus fuq quddiem, anqas ser ikollok bżonn tissellef, u anqas ser ikun l-ammont ta’ interessi li ser tħallas fuq is-self.
Kun realistiku xħin tiddeċiedi li tinvesti f’darek. Żomm f’moħħok li meta tixtri darek inti mhux ser tħallas biss il-kapital proprju, iżda se tħallas is-self f’pagamenti kull xahar u l-interessi li ser jakkumula fuq dan is-self.
Kun ċert li l-pagament fuq is-self fix-xahar ikun tali li tista’ taffordjah u li ma jeħodlokx mid-dħul li jkollok disponibbli u ssib diffikultà biex tamministra l-baġit tax-xahar u l-pagament tas-self.
Staqsi lilek innifsek: f’każ ta’ ċirkostanza straordinarja, bħat-twelid ta’ tarbija li ma tkunx ippjanata, rinnovazzjoni maġġuri fid-dar jew jekk titlef l-impjieg … xorta tkun tista’ taffordja tħallas id-dejn u timmaniġġja l-baġit finanzjarju tax-xahar?
Żomm f’moħħok li apparti mit-tfaddil għad-depożitu, inti ser ikollok spejjeż oħrajn fil-proċess tax-xiri ta’ darek. Uħud minn dawn l-ispejjeż jinkludu:
- spejjeż tan-nutar biex jagħmel ir-riċerka fuq il-proprjetà;
- assigurazzjoni fuq il-proprjetà u l-għamara l-ġdida tiegħek;
- assigurazzjoni personali biex tkopri l-ipoteka f’każ li inti tiġi nieqes;
- miżati tal-bank u tariffi għall-provvediment tas-self.
Meta tkun qed tfittex li tissellef biex tixtri darek, dur u ħu stimi diversi. Banek differenti ser joffru skemi differenti. Dawn qegħdin f’kompetizzjoni, għaldaqstant kun żgur li tidentifika dak li jaqbel għal butek, li jippermettilek tfassal pjanijiet ġodda f’każ li jinqala’ xi ħaġa bla mistenni eċċ.
Jekk inti qed tixtri għall-ewwel darba kun żgur li ġġib l-informazzjoni neċessarja fuq skemi ta’ assistenza li l-gvern jista’ joħroġ minn żmien għal żmien biex jinkoraġġixxi x-xiri tad-djar.
Meta tkun qed tippjana ix-xiri ta’ darek, uża l-kalkolaturi online li jipprovdu l-Banek.