Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali – ĠEMMA
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – Direttorat għall-Programmi tat-Tagħlim u l-Assessjar
Kompetizzjoni ta’ Kotba Divertenti għall-Edukazzjoni tal-Kapaċità Finanzjarja
ĠEMMA: Kun Af, Ippjana, Aġixxi, fil-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u d-Direttorat għall-Programmi tat-Tagħlim u l-Assessjar fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, niedew kompetizzjoni ta’ kitba ta’ kotba divertenti għall-edukazzjoni tal-kapaċità finanzjarja għall-istudenti tal-primarja. L-għan ta’ dawn il-kotba edukattivi divertenti huwa li jassistu lill-għalliema waqt l-introduzzjoni lill-istudenti ta’ kunċetti marbuta mal-kapaċità finanzjarja bħall-ibbaġitjar, l-ippjanar, kif iġġemma’ u l-infiq, fost oħrajn.
Kemm ĠEMMA, kif ukoll id-Direttorat għall-Programmi tat-Tagħlim u l-Assessjar, huma tal-fehma li l-enfasi tal-prinċipji bażiċi tal-kapaċità finanzjarja fiċ-ċiklu tal-edukazzjoni formali tal-primarja, x’aktarx li jkollha impatti u benefiċċju fit-tul fit-tħejjija tal-adulti ta’ għada biex ikunu finanzjarjament aktar kapaċi u ċittadini attivi.
Il-kompetizzjoni timmira dawn il-kotba divertenti għall-edukazzjoni dwar il-kapaċità finanzjarja għall-kategoriji ta’ studenti li ġejjin:
Etajiet minn 5 sa 8 snin | Klassi 1-3 |
Etajiet minn 8 sa 11-il sena | Klassi 4-6 |
Il-persuni li se jipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni għandhom jiktbu fuq waħda jew aktar mill-ħiliet ewlenin tal-ħajja li l-Istrateġija għall-Irtirar u l-Kapaċità Finanzjarja tistabbilixxi li ċ-ċittadini Maltin għandhom jakkwistaw biex ikunu finanzjarjament kapaċi. Dawn huma: l-immaniġġjar tad-dejn; l-ibbaġitjar; li tibni fond ta’ flus imġemmgħa għal li jista’ jinqala’; l-ippjanar għall-futur; jifhmu l-investiment bażiku u li jifhmu d-drittijiet bażiċi tal-konsumatur.
Waqt li jkunu jiktbu ktieb divertenti għall-edukazzjoni dwar il-kapaċità finanzjarja, il-parteċipanti għandhom jinfilsaw fl-istorja referenzi kross kurrikulari għal waħda jew aktar minn dawn li ġejjin: l-inklużjoni, il-ħajja sana, id-diversità, it-tradizzjonijiet Maltin, u l-Matematika.
L-awtur/awtriċi ta’ ktieb j/tista’, iżda mhux obbligat/a, j/tissottometti, tpinġijiet li jakkumpanjaw it-test. Kwalunkwe disinji għandhom jinkorporaw il-karattru ta’ ĠEMMA (in-naħla tal-għasel). Il-kotba jistgħu jinkitbu bil-Malti jew bl-Ingliż. Il-premjijiet għal kull kategorija huma kif ġej: l-ewwel post – €3,000; it-tieni post – €2,000; it-tielet post – €1,000. Il-kompetizzjoni tagħlaq fit-30 ta’ Settembru 2020. Ir-regoli tal-kompetizzjoni jistgħu jitniżżlu minn: www.gemma.gov.mt
Il-Ministru Michael Falzon stqarr li: “Il-Kompetizzjoni ta’ Kotba Divertenti għall-Edukazzjoni tal-Kapaċità Finanzjarja mnedija mill-Ministeru u ĠEMMA, flimkien mal-Ministeru tal-Edukazzjoni, hija pass importanti ‘l quddiem peress li hija immirata li tipprovdi lill-għalliema tal-iskejjel primarji bir-riżorsi li jippermettulhom jintroduċu lill-istudenti ħiliet importanti tal-kapaċità finanzjarja f’età daqshekk bikrija. Il-kompetizzjoni tiżgura li l-awturi emerġenti u dawk stabbiliti huma mħeġġa jużaw it-talenti u l-kreattività tagħhom biex jiktbu kotba dwar il-kapaċità finanzjarja, li filwaqt li jkunu edukattivi, ikunu wkoll divertenti, jiġbduk u jżommuk.”
Il-Ministru Owen Bonnici spjega kif, “din il-kompetizzjoni għandha l-għan li tinkoraġġixxi lil awturi ġodda kif ukoll stabbiliti biex joħolqu narrattiva impenjattiva li tippromwovi aspetti differenti tal-kapaċità finanzjarja diretta lejn studenti tal-iskola primarja. L-għan aħħari huwa li jiġu ppubblikati narrattivi rebbieħa f’format diġitali bħala kotba elettroniċi biex jaġixxu bħala riżorsa għall-istudenti dwar il-kapaċità finanzjarja. Nixtiequ nagħmlu t-tagħlim vjaġġ pjaċevoli għall-istudenti tagħna u jien ċert li b’inizjattivi bħal din il-kompetizzjoni, aħna fit-triq it-tajba biex ngħinu lill-istudenti tagħna jagħżlu t-triq li jixtiequ jieħdu fis-settur tal-edukazzjoni. Bħala Gvern, minn dejjem konna impenjati li ngħinu lill-istudenti tagħna bl-aħjar mod kif nistgħu u nipprovdulhom l-għodod meħtieġa sabiex ngħinuhom jiżviluppaw aktar il-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom. Inħeġġeġ lil dawk kollha interessati li jieħdu sehem f’din il-kompetizzjoni li tkun ta’ benefiċċju pożittiv għal uliedna u għall-ġenerazzjonijiet futuri.”
David Spiteri Gingell, il-Mexxej tat-Tim ta’ ĠEMMA, fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, qal li t-tnedija ta’ din il-kompetizzjoni hija waħda minn serje ta’ attivitajiet li ĠEMMA ħadmet mad-Direttorat għall-Programmi tat-Tagħlim u l-Assessjar, b’enfasi essenzjali fuq l-iskejjel primarji – b’attivitajiet ippreżentati kemm fi Skola Sajf, fl-iskejjel primarji, kif ukoll attivitajiet immirati lejn studenti primarji. Dawn kienu jinkludu logħob edukattiv interattiv imsejjaħ “ĠEMMA Ftit”, kompetizzjoni ta’ poster, u logħba elettronika edukattiva, fost oħrajn.