Fl-2019 ĠEMMA għamlet riċerka fuq il-kapaċità finanzjarja kofinanzjata mill-FSE tal-UE diretta lejn 14-il grupp li ġew identifikati permezz ta’ konsultazzjoni meta kienet qed tiġi abbozzata L-Istrateġija tal-Irtirar u l-Kapaċità Finanzjarja (2017-2019).
Il-persuni qiegħda huma identifikati bħala grupp vulnerabbli. Din ir-riċerka ġiet ikkummissjonata biex tgħin lil ĠEMMA fit-tfassil ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni ta’ kapaċità finanzjarja għal dan il-grupp.
Ta’ min jinnota dawn il-punti li ġejjin fuq il-persuni qiegħda:
- Urew għarfien u tħassib dwar iż-żieda fl-għoli tal-ħajja fiż-żminijiet preżenti, li jfixklu l-pjan tal-bini ta’ fond ta’ flus imġemmgħa għal li jista’ jinqala’. L-immaniġġjar tal-flus fir-rigward tax-xiri għal prezzijiet tajbin hu ffaċilitat mil-litteriżmu diġitali u l-aċċess għal għodod diġitali, bħall-ICT u l-Internet.
- Urew evidenza ta’ litteriżmu finanzjarju bażiku dwar bonds, ishma u stocks, akkumpanjata minn sens ta’ nuqqas ta’ fiduċja bħala għażla għall-kapaċità finanzjarja fl-irtirar – għalkemm għandhom aktar fiduċja fil-proprjetà bħala għażla għall-kapaċità finanzjarja.
- Għandhom livell ta’ fehim tal-litteriżmu finanzjarju u l-kapaċità tal-irtirar iżda jeħtieġu appoġġ biex jaġġornaw lilhom infushom dwar kif dan jistgħu jsiru aktar kapaċi finanzjarjament u jkunu kapaċi jirtiraw fid-dinja tal-lum meta jitqiesu l-istandards tal-għajxien tal-lum.