Fl-2019 ĠEMMA għamlet riċerka fuq il-kapaċità finanzjarja kofinanzjata mill-FSE tal-UE diretta lejn 14-il grupp li ġew identifikati permezz ta’ konsultazzjoni meta kienet qed tiġi abbozzata L-Istrateġija tal-Irtirar u l-Kapaċità Finanzjarja (2017-2019).
Studenti fl-iskejjel postsekondarji huma identifikati bħala grupp vulnerabbli fir-rigward tal-kapaċità finanzjarja. Din ir-riċerka ġiet ikkummissjonata biex tgħin lil ĠEMMA fit-tfassil ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni ta’ kapaċità finanzjarja għal dan il-grupp. Ta’ min jinnota dawn il-punti li ġejjin:
- Ix-xejriet tal-konsum huma motivati minn modi kif jiffrankaw l-ispejjeż, bħall-għażla ta’ ħwienet tad-divertiment irħas, minħabba d-dħul limitat ta’ dan il-grupp, li b’mod ġenerali huwa ffinanzjat mill-istipendju tal-istudenti.
- Id-diskussjoni dwar affarijiet ta’ flus hija aktar probabbli li sseħħ ma’ membri tal-familja l-aktar qrib, għalkemm uħud jiddiskutu xi aspetti mal-ħbieb wkoll.
- L-aktar konsum għoli hu meta jħallsu taxi biex jirritornaw id-dar.
- Il-familja ħarġet bħala ass importanti għall-istudenti tal-postsekondarja għall-aċċess għall-kumditajiet, li huma meqjusa li għandhom impatt pożittiv fuq l-istil ta’ ħajja tagħhom, bħal pereżempju x-xiri ta’ karozza.
- Il-familja hija l-edukatur ewlieni dwar il-kapaċità finanzjarja.
- Kien hemm fehim sod ta’ prattiki tajbin ta’ mmaniġġjar ta’ flus bħall-ibbaġitjar u l-użu bir-reqqa jew differenzjat tal-kontijiet għal skopijiet speċifiċi, stennija għall-perjodu ta’ bejgħ bl-iskontijiet biex jinxtraw il-prodotti bażiċi, qari ta’ reċensjonijiet meta jixtru online u l-użu ta’ siti affidabbli, jonoraw djun żgħar li jkollhom mal-familja, ma jweġbux telefonati scam u jimblukkaw in-numri tat-telefown relatati.
- Din il-faxxa m’għandhomx interess jew għandhom għarfien suffiċjenti dwar il-pensjoni prospettiva u l-kapaċità tal-irtirar.