L-ewwel u qabel kollox, biex tkun taf aktar dwar id-differenza bejn dawk li huma self-employed jew self-occupied, jekk jogħġbok ikklikkja hawn.
Bħala persuna li taħdem għal rasek jista’ jkollok sodisfazzjonijiet finanzjarji u ta’ stil ta’ ħajja (flimkien ma’ dik personali). Ladarba, meta tkun qed tmexxi n-negozju tiegħek stess, ma għandekx paga jew salarju fiss għandek toqgħod attent fit-tħaddim tal-flus kif ukoll fl-ippjanar tal-irtirar tiegħek.
- It-tħaddim tal-likwidità ta’ flusek
- Ħallas paga lilek innifsek
- Ħallas paga lil membru tal-familja li jaħdem miegħek
- Ippjana minn qabel għall-btajjel
- Twarrab il-flus għat-taxxa fuq id-dħul u l-VAT
- Ippjana għall-irtirar tiegħek
- Titraskurax it-tfaddil għall-irtirar minbarra l-pensjoni tal-istat
- Ipproteġi d-dħul tiegħek
It-tħaddim tal-likwidità ta’ flusek
Filwaqt li d-dħul ġenerali annwali jista’ jkun b’saħħtu, id-dħul tal-flus ma jkunx dejjem regolari. Jistgħu jgħaddu ġimgħat u saħansitra xhur qabel ma jħallsuk il-klijenti.
Għaldaqstant, huwa importanti li tamministra flusek bil-għaqal. Jekk jispiċċawlek il-flus qabel titħallas jista’ jfisser li tibda tgħix minn fuq il-karti ta’ kreditu.
Ħallas paga lilek innifsek
Minflok tqis id-dħul kollu min-negozju tiegħek bħala flus għan-nefqa personali, ħallas paga fil-ġimgħa lilek innifsek. Inti trid iżżomm kontijiet bankarji separati għall-irċevuti tan-negozju u l-infiq personali.
Iddepożita jew ittrasferixxi d-dħul tan-negozju ġo kont tat-tfaddil, u uża dan il-kont biex tħallas ammont fiss lilek innifsek bħala paga, jew biex tħallas l-ispejjeż tan-negozju proprju. Jekk tpoġġi l-qligħ min-negozju tiegħek f’kont ta’ interessi, dan jippermettilek dħul ulterjuri permezz tal-interessi.
Oħloq baġit personali biex jgħinek tgħix fil-limiti tal-paga, ħalli b’hekk ma jkollokx għalfejn tirrikorri għad-dħul tan-negozju ta’ spiss wisq.
Huwa importanti ħafna li tħallas il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali fuq il-qligħ tiegħek biex b’hekk inti tikkwalifika għall-pensjoni tas-sigurtà soċjali meta tirtira.
Ħallas paga lil membru tal-familja li jaħdem miegħek
Dan huwa importanti minħabba l-fatt li membru tal-familja tiegħek li jaħdem miegħek jista’ jkun intitolat għall-pensjoni tas-sigurtà soċjali jekk hu jew hi tħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fuq il-paga.
Jekk inti ma tħallasx il-paga tal-membru tal-familja, dik il-persuna mhix ser tikkwalifika għall-pensjoni tas-sigurtà soċjali u għaldaqstant hemm probabbiltà li tispiċċa fir-riskju tal-faqar meta tirtira.
Ippjana minn qabel għall-btajjel
Bħala ħaddiem għal rasek inti mhux ser tgawdi mill-benefiċċju li tibqa’ titħallas waqt li tkun fuq btala; trid tkun int stess li twarrab il-fondi. Li ġġemma’ xi ftit żejjed fuq bażi regolari ser jgħinek biex tibqa’ għaddej f’każ ta’ perjodi kwieti fin-negozju jew biex tiffinanzja xi btala.
Twarrab il-flus għat-taxxa fuq id-dħul u l-VAT
Żball komuni ta’ persuna li taħdem għal rasha huwa dak li ma twarrabx flus għat-taxxa fuq id-dħul u t-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT). Jekk ma tħallasx it-taxxa fuq id-dħul tiegħek (li tista’ tkun fuq bażi proviżorja ta’ kull kwart tas-sena) jew l-obbligazzjonijiet tal-VAT (li hija fuq kull kwart tas-sena), inti ser tkun suġġett għal penalijiet sostanzjali.
Irrispetta l-obbligazzjonijiet tat-taxxa billi tiftaħ kontijiet tat-tfaddil separati; wieħed għat-taxxa fuq id-dħul u l-ieħor għall-VAT, u ddepożita parti mid-dħul fiż-żewġ kontijiet. Wieħed irid iżomm ċerta dixxiplina biex ma joħroġx flus minnhom, iżda inċentiv biex jgħinek iżżomm il-flus b’mod separat, sakemm tiġi biex tħallas it-taxxa fuq id-dħul u l-VAT, huwa li tiftakar li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni u d-Dipartiment tal-VAT jimmultawk pieni għoljin f’każ li tħallas tard.
Barra minn hekk, inti tiffaċċja spejjeż ulterjuri b’riżultat ta’ ħlasijiet lill-awdituri jew lill-avukati biex jgħinuk f’dik is-sitwazzjoni, barra mill-ħin li fih tkun ’il bogħod min-negozju tiegħek biex tirregolarizza s-sitwazzjoni.
Ippjana għall-irtirar tiegħek
Bħala persuna li taħdem għal rasha, inti trid tħallas kontribuzzjoni ta’ 15% kull sena fuq id-dħul li taqla’ – il-gvern jikkontribwixxi l-15% l-oħra.
Persuni li jaħdmu għal rashom huma magħrufin li jħallsu l-15% tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fuq livell baxx tad-dħul li jaqilgħu sabiex jimminimizzaw l-ispejjeż tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali. Filwaqt li dan jista’ jirriżulta fi dħul ogħla sakemm tkun għadek taħdem għal rasek, dan l-atteġjament ser ikollu impatt negattiv fuq il-pensjoni tas-sigurtà soċjali u għaldaqstant fuq id-dħul matul l-irtirar.
Titraskurax it-tfaddil għall-irtirar minbarra l-pensjoni tal-istat
Isserraħx fuq il-fatt li tbigħ in-negozju tiegħek biex tiffinanzja l-irtirar tiegħek. Mingħajr l-involviment tiegħek, in-negozju tiegħek jista’ jkun jiswa inqas milli qed taħseb. Ħafna negozji mhux faċli li jinstab il-bejgħ tagħhom. Minflok, aħseb biex tibni sors separat għat-tfaddil għall-irtirar ’il hinn mill-pensjoni tal-istat.
Ipproteġi d-dħul tiegħek
Wieħed mill-perikli li għandek meta jkollok in-negozju tiegħek huwa li ma tkunx tista’ taħdem minħabba mard jew korriment. Mingħajr sick leave, is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħek x’aktarx li tmur għall-agħar jekk timrad jew tkorri.
Jekk tħallas il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali tiegħek inti ser tirċievi l-benefiċċju temporanju tas-sick leave bi ħlas. Fil-każ li tirtira kmieni min-negozju kaġun ta’ mard inti tista’ tikkwalifika għall-pensjoni tal-invalidità suġġett u deċiżjoni f’dan ir-rigward tittieħed minn bord mediku indipendenti.
Il-perjodu li ser tqatta’ tirċievi l-pensjoni tal-invalidità ser ikun kreditat bħala kontribuzzjoni għall-pensjoni tas-sigurtà soċjali tiegħek.