Sakemm ma timmaniġġjax id-dejn tal-karti ta’ kreditu tiegħek sew x’aktarx tħallas ħafna aktar milli suppost fuq id-dejn li tkun għamilt permezz tal-użu tal-karta ta’ kreditu. Hawn għandek xi suġġerimenti minn ĠEMMA li nissuġġerixxu li ssegwi.
Ħafna drabi n-nies ikollhom id-dejn fuq diversi karti ta’ kreditu. Jekk dan huwa l-każ tiegħek, l-ewwel ħallas l-aktar karta għolja. Il-karti ta’ kreditu jitolbu rati differenti ta’ imgħax. Dan hu muri fuq ir-rapport tal-karta ta’ kreditu tiegħek. Mill-karti kollha tiegħek, l-ewwel ħallas l-aktar fuq dik bl-ogħla rata ta’ imgħax. Kun żgur li tħallas tal-inqas il-pagament minimu fuq il-kards kollha, inkella tista’ teħel il-penali. Wara li tħallas l-ewwel waħda, imbagħad tista’ tgħaddi għall-karta ta’ kreditu jew is-self personali tiegħek li jmiss.
Ħallas lura aktar mill-ħlas minimu. Il-ħlas tal-ammont minimu kull xahar jagħmilha li tħoss li d-dejn huwa affordabbli. Iżda din tista’ tkun idea tassew ħażina. Jekk inti fuq rata ta’ 0% għal perjodu introduttorju, il-ħlas biss tal-minimu kull xahar ikun iħallas ftit biss mid-dejn tiegħek – u jista’ jieħu żmien twil, u li jiġik jiswa ħafna flus, biex tħallas lura l-bilanċ, anke jekk ma tkomplix tiġbed mill-kard. Dejjem ipprova ħallas lura kemm tista’. Anke jekk iżżid biss b’ammont żgħir kull xahar, għax din iż-żieda tista’ tagħmel differenza kbira.
Issettja debitu dirett biex tiżgura li qatt ma titlef pagament. Tista’ tissettjaha għal kwalunkwe ammont li trid, iżda kun żgur li huwa aktar mill-ħlas minimu dovut.
Oqgħod attent għall-penali. Xi kards għandhom tariffi għoljin jekk tħallas tard, u penali oħra. Pereżempju, jekk titlef pagament jew tmur fuq il-limitu tiegħek, tista’ tiġi ċċarġjat penali, jew ir-rata tal-imgħax tiegħek tista’ titla’.

Jekk taf li x’aktarx xi drabi se tkun tard bil-ħlas tiegħek, mur għal kard b’penali aktar baxxi u rata ta’ imgħax kemxejn ogħla għax ikun jaqbillek.

Ħallas lura d-djun tal-karti ta’ kreditu tiegħek bi tfaddil li għamilt. Jekk tista’ tħallas lura d-djun tal-kards għoljin tiegħek bit-tfaddil tiegħek sakemm ma jkollokx djun ta’ prijorità aktar urġenti. Għalkemm int se tnaqqas it-tfaddil tiegħek u b’hekk tista’ tieqaf tirċievi imgħax fuq it-tfaddil tiegħek, biż-żmien jaqbillek għax se tiffranka ħafna aktar. Dan għaliex tħallas ferm inqas imgħax fuq id-dejn tiegħek mill-interessi li tirċievi mit-tfaddil tiegħek.
Kun af x’qed tieħu. Dejjem aqra l-istampar fin. Jekk għandek rata introduttorja tajba ħafna, kun żgur li tkun taf x’jiġri meta tispiċċa. Pereżempju, x’se tkun ir-rata l-ġdida? Tinbidel xi ħaġa oħra meta r-rata tal-imgħax tinbidel?