Aktarx, l-aktar ħaġa popolari llum wara karozza u ċellulari sar is-safar. Le ma nsejtx ix-xiri ta’ dar, iżda din kienet prijorità fil-ġenerazzjonijiet ta’ deċenji ilu. Fejn li jkollok darek kienet tfisser pride, sigurtà, impenn, il-vetrina li tirrappreżenta ħajjitna. Illum l-importanti għal bniedem sar hu (innifsu) u li jgħix il-mument. “Għada min rah!”…
Iżda għal min jaqlaqgħha u jiekolha, xejn m’hu faċli, partikolarment fiż-żgħożija jew fl-ewwel żmien ta’ ħajja miżżewġa (jew fejn qed jgħixu flimkien) li jivjaġġaw. Aktar u aktar jekk ikunu ġabu t-tfal fid-dinja.
Maż-żmien, u anke meta t-tfal ikunu bdew jikbru u jifhmu xi ftit, għal min jogħġbu s-safar tkompli titwessa t-triq għal dan id-delizzju sabiħ imma li jiswa ħafna flus. U skont l-eta tat-tfal, issa jibdew deħlin il-gosti u l-proposti wkoll!
Meta l-ulied għadhom żgħar (taħt l-10 snin), bla ma trid, id-destinazjzonijiet li se tagħżel aktarx se jkunu dawk b’kontenut qawwi ta’ logħob u divertiment bħal m’huma t-theme parks. Meta l-ulied jibdew deħlin fis-snin taż-żogħżija, għalkemm dawn li semmejt jibqgħu xi ftit imfittxija iżda l-prijoritajiet jinbidlu lejn żewġ xejriet li jqumu aktar flus; is-safar għax-xiri (ħwejjeġ u elettronika) u s-safar għal kunċerti ta’ idoli li jkunu jsewgu.
Imma sakemm hu possibbli dan?
Sakemm il-pakkett hu affordabbli? L-aqwa li, akkost ta’ kollox nieħdu gost? Jeżisti kejl, limitu – jew biex nilqħu mal-aspettattivi, qed letteralment nissallbu, saħansitra niddejnu! Speċjalment illum il-ġurnata li t-titjiriet għolew tant u kollox irid jinxtara bħala extra.
Reċentament kont qed nitkellem ma’ omm ta’ żewġ tfajliet. Dawn iffissati fuq kantanta magħrufa. Ftit ilu saru jafu li din kienet se tagħti kunċert viċin Londra. L-ossessjoni tagħhom li jridu jarawha tkanta ‘live’ tant għajjiet lill-istess ġenituri li biex ma jibqgħux jisimgħu aktar qalulhom iva. Naturalment ma kenux se jħalluhom imorru waħedhom ta’ tlettax u erbatax ‘il sena u kellhom jitilgħu magħhom.
Dak li kien gost għat-tfal malajr sar imrar għal ġenituri meta sabu li l-entratura ta’ kull persuna għal kunċert biss kienet ta’ ‘il fuq minn €500. Dan bla ma kienu għadhom ikkalkulaw l-ispejjeż tal-ajru, akkomodazzjoni, taxxi, assigurazzjoni, trasport, ikel u l-kumplament. Fi ftit kliem, tlett ijiem biex it-tfal setgħu raw il-kantanta favorita ġew jiswew l’eluf tal-Ewro. Agħar minn hekk, fi żmien fejn din il-familja kellha bżonnijiet ta’ manutenzjoni fid-dar u x-xiri ta’ kamra tas-sodda ġdida, li iżda dawn issa ma sarux!
Familja medja li tkun diġà għamlet sagrifiċċji kbar biex tasal tieħu btala aktarx se ssib quddiemha numru ta’ konflitti waqt il-vjaġġ. Fuq naħa, l-attrazzjonijiet li huma tassew sbieħ, iżda bi prezzijiet tal-entraturi li mhux kulħadd jilħaqhom. Fuq in-naħa l-oħra, l-ulied li semgħu dwar dawn l-attrazzjonijiet, jafu sew għal xiex sejrin, kellhom ħafna aspettativi, però ħafna drabi, ma setgħux jiġu esegwiti. Għaliex le, mhux kollox hu affordabbli.
Niżnu qabel niddeċiedu
Veru, l-għaxqa tagħna l-ġenituri, naraw l’uliedna kuntenti u ma jonqoshom xejn. Ta’ dan iżda hemm prezz xi nħallsu. Sold taħt rasek, anke bħala kontinġenza jgħinek meta tiġi f’sitwazzjoni li ma tkunx qed tistenna u tispiċċa dahrek mal-ħajt.
Bżonn ta’ xi kura dwar is-saħħa tagħna jew ta’ uliedna. Xi inċident tat-traffiku li nsibu ruħna fih bla mistenni. Saħansitra jekk xi ħadd mill-ġenituri (allaħaresqatt) jitlef ħajtu, jew jisfa b’diżabilità, inkella jsib ruħu bla xogħol!
Fil-ħajja mgħaġġla tal-lum u l-piż li jkollna nerfgħu ta’ kuljum, is-safar ħa dimensjoni oħra. Min kapriċċ sar bżonn, u hekk hu. Bżonn li titlaq, imqar għal ftit u tmur x’imkien bit-tama li tistrieħ u tieħu gost ma’ dawk l-aktar għeżież għalik, iżda mhux dejjem kull safra tispiċċa hekk lanqas…
Jekk deċiż tivvjaġġja
Għamel riċerka sew biex tara l-prezzijiet tat-titjiriet, tal-lukandi, trasport, ristoranti u l-kumplament. Fittex onlajn, ara reviews (ir-reazzjonijiet tan-nies), dur dawk li jbiegħu l-biljetti dwar avvenimenti ta’ divertiment u aċċerta ruħek li huma ġenwini.
Jekk taħseb sew qabel, tkun tista’ tippjana u tibbukja bil-kumdita’, issib akkomodazzjoni li tkun taqbillek bħala prezz u post fil-każ li mhux se tuża aġent tal-ivvjaġjar. Dan għaliex anki l-ivvjaġġjar intern għandu prezzu!
Ara liema hu l-aħjar mezz ta’ trasport li jaqbillek, u forsi aħseb biex tixtri travel pass imma tagħżilx post imwarrab għax orħos biex teħel flus mod ieħor. Sib positijiet tal-ikel għal butek li jkollhom ikel tajjeb permezz ta’ siti li jagħmlu reviews tar-ristoranti. L-istess għall-akkomodazzjoni.
Ħu ħsieb li żżomm il-kartiera u l-passaport f’post sigur. Ħu ritratti tal-passaport u tal-karta tal-identità u żommhom fil-mobajl jew fuq cloud. Għamel ukoll assigurazzjoni u ħu miegħek il-European Health Insurance Card, jekk se tivvjaġġja fl-Ewropa. Jekk m’għandekx, faċli ħafna biex tapplika għaliha onlajn bl-eID.
Informa ruħek sew dwar id-destinazzjoni tiegħek ħalli tkun tista’ tidentifika postijiet li jogħġbu lilek u lil dawk li ħa jsiefru miegħek, kif ukoll biex issir taf dwar postijiet li aħjar tevita. Hekk ikollok ukoll il-possibilità li ssib attrazzjonijiet li jkunu budget friendly jew saħansitra b’xejn.
Iċċekkja sew ukoll ir-rati tal-kambju jekk japplikaw (mhux kulħadd jiċċarġja l-istess) u uża app għall-kambju. Iċċekkja wkoll ir-rata ta’ servizz li jieħdu l-ATMs tal-banek għax il-banek ukoll ma jieħdux kollha l-istess charges. Żomm l-affarijiet ta’ valur fil-hand luggage imma meta toħroġ izzommx kartiera u/jew affarijiet ta’ valur wara dahrek f’haversack imma f’basket li żżomm quddiemek u li dejjem ikollok għajnejk fuqu.
Kun af min qabel il-prezzijiet tat-Theme Parks, ta’ entraturi ta’ dħul ta’ mużewijiet/kunċerti/wirjiet, ta’ funikulari/laneċ li tista’ se tkun qed tuża jew tużaw.
Ftakar li miegħek tinħtieġ tieħu ammont ta’ flus bħala spending money (għal xorb u snack matul il-ġurnata, għal xiri ta’ souvenirs, etc., kif ukoll ammont ta’ flus ieħor f’kas ta’ bżonn (kontinġenza) bħal xi sptar, klinika, mediċini, taxi jew biex taqsam fruntieri, etc., etc.
Il-vjaġġ it-tajjeb…