Il-Ktieb iż-Żgħir l-Iswed ta’ ĠEMMA dwar l-Iscams u l-Frodi
It-Tlieta l-14 ta’ Lulju bejn il-11:00 u n-12:30 (CET)
Ingħaqad magħna għall-preżentazzjoni dwar l-aspetti ewlenin tal-ewwel parti u t-tieni parti tal-Ktieb iż-Żgħir l-Iswed ta’ ĠEMMA dwar l-Iscams u l-Frodi segwit minn diskussjoni mal-panel magħmul minn:
- Membri tat-Tim ĠEMMA
- Rappreżentant tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta
- Rappreżentant tal-HSBC Bank Malta p.l.c.
- Rappreżentant tal-e-Skills Malta Foundation
Is-serje tal-Kotba ż-Żgħar Suwed dwar l-Iscams u l-Frodi, maħruġa minn ĠEMMA, hija bbażata fuq il-kunċett ta’ “The Little Black Book of Scams” li tnieda għall-ewwel darba mill-Kummissjoni Awstraljana għall-Kompetizzjoni u l-Konsumatur fl-2012.
L-għan tas-serje ta’ ĠEMMA, tal-Kotba ż-Żgħar Suwed dwar l-Iscams u l-Frodi, huwa li jagħmlek familjari mal-ħafna scams u frodi li għaddejjin u jarmak b’ċertu għarfien dwar kif tista’ tipproteġi lilek innifsek. Fil-fatt, li tkun taf għal xiex toqgħod attent/a, kif ukoll xi suġġerimenti bażiċi li jgħidulek x’għandek tagħmel, jgħinuk ħafna biex iżommuk sigur/a u ma ssirx vittma.
Dan il-ktieb elettroniku, flimkien mal-kotba elettroniċi l-oħra fis-serje tal-Kotba ż-Żgħar Suwed dwar l-Iscams u l-Frodi maħruġa minn ĠEMMA, huma mfassla biex iżidu l-għarfien u l-kuxjenza tiegħek dwar l-iscams u l-frodi, u meta tagħmel dan, jagħtik is-setgħa li tieħu l-azzjoni meħtieġa biex ma tiġix iffrodat/a u ssofri telf finanzjarju.
Il-parteċipanti se jkollhom il-possibbiltà li jagħmlu l-mistoqsijiet lill-panel u wara l-webinar se jirċievu kopja taż-żewġ partijiet tas-serje ta’ ĠEMMA tal-Kotba ż-Żgħar Suwed.
L-għan ewlieni ta’ ĠEMMA: Kun af, Ippjana, Aġixxi huwa li tassisti lill-familji Maltin biex jiksbu ħiliet biex ikunu finanzjarjament kapaċi – prinċiparjament biex jimmaniġġjaw id-dejn, jimmaniġġjaw il-baġit ta’ kuljum, jibnu xibka ta’ sigurtà finanzjarja u l-ippjanar għall-futur.