Dawn l-eżempji jirreferu għall-Kont ta’ Depożitu Fiss. Dan huwa prodott finanzjarju li wisq probabbli inti diġà midħla tiegħu u huwa offrut mill-banek kollha. Hemm prodotti diversi ta’ investiment u tfaddil apparti l-Kont ta’ Depożitu fuq Terminu Fiss li inti tista’ tikkunsidra biex tibni l-mezzi ta’ sikurezza għall-irtirar tiegħek.
Wieħed minn dawn il-prodotti huwa ‘t-Tielet Pensjoni’. Jista’ jkun li diġà smajt dan it-terminu fil-mezzi tax-xandir mill-fornituri tas-servizz finanzjarju u forsi staqejt lilek innifsek x’jista’ jfisser.
‘It-Tielet Pensjoni’ hija prodott ta’ Pensjoni tal-Irtirar Privata. Prodott ta’ Pensjoni tal-Irtirar Privata hija prodott tat-tfaddil ddisinjat bil-għan li jħajrek tfaddal speċifikament għall-mezzi tal-irtirar tiegħek, li ser jipprovduk bi dħul ta’ pensjoni fix-xahar meta tirtira. Dan id-dħul mill-pensjoni huwa differenti mid-dħul li ser tirċievi mill-pensjoni tal-Istat.
Il-gvern huwa konxju li l-pensjoni tal-Istat qatt mhi ser tipprovdik bil-livell ta’ dħul li inti kont tgawdi meta kont fl-impjieg b’mod partikolari jekk id-dħul tiegħek kien ogħla mid-Dħul Massimu Pensjonabbli (DMP).
Biex jinkoraġġik tibni l-mezzi ta’ sikurezza għall-irtirar biex tikkumplimenta d-dħul li tirċievi mill-pensjoni tal-Istat, il-gvern jinċentivak biex tfaddal għall-irtirar tiegħek.