Sew jekk pjanajt għall-irtirar tiegħek minn kmieni u sew jekk le, hekk kif tersaq lejn l-età tal-irtirar ikun il-waqt biex taħseb bis-serjetà dwar l-ippjanar tal-irtirar.
L-ewwel iddeċiedi f’liema età tixtieq tieqaf taħdem għax dan ser jiddetermina kemm fadallek snin biex takkumula tfaddil mill-paga jew mis-salarju tiegħek li inti tista’ tinvesti biex tibni l-mezzi għall-irtirar ħalli jikkumplimentaw il-pensjoni tas-sigurtà soċjali. L-ammont ta’ flus li ser twarrab għall-irtirar tiegħek jiddependi fuq numru ta’ fatturi – bħal:
- Il-kwalità ta’ ħajja li tixtieq tgħix matul l-irtirar u jekk il-pensjoni tas-sigurtà soċjali u l-assi l-oħrajn li jista’ jkollok ser jipprovduk bid-dħul li jkollok bżonn biex jippermettulek il-kwalità ta’ ħajja mixtieqa.
- L-ammont ta’ flus li tista’ twarrab fix-xahar jew matul is-sena għall-mezzi ta’ sikurezza tal-irtirar.
- Id-deċiżjonijiet li tieħu dwar fejn u kif ser tinvesti dan it-tfaddil biex tkun tista’ takkumula l-interessi u r-redditi finanzjarji fuq it-tfaddil tiegħek.
Żomm f’moħħok li f’Malta inti tista’ tirtira kif ġej – meta jkollok:
- 61 sena jekk twelidt bejn l-1952 u l-1961 u ħallast 35 sena kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali; jew
- 61 sena jekk ħallast minimu ta’ 50 kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali annwali għal perjodu ta’ 40 sena; jew
- 62 sena jekk twelidt bejn l-1952 u l-1955; jew
- 63 sena jekk twelidt bejn l-1956 u l-1958; jew
- 64 sena jekk twelidt bejn l-1959 u l-1961; jew
- 65 sena jekk twelidt wara l-1962.
- 61 sena jekk twelidt fil-1969 u u ħallast 41 sena kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali.
Huwa importanti li tkun taf li għall-persuni li jaħdmu fis-settur privat, il-gvern introduċa skema ta’ inċentiv biex wieħed jibqa’ jaħdem sa 65 sena – li jirriżulta f’massimu ta’ 23% żieda fil-pensjoni tas-sigurtà soċjali meta mqabbel mal-pensjoni tas-sigurtà soċjali li tkun ser tirċievi jekk tirtira fl-età ta’ 61 sena. Jekk trid tkun taf aktar fuq din l-iskema ta’ waqfien tard ikklikkja hawn.