L-ewwel u qabel kollox, il-krediti huma kontribuzzjonijiet kkreditati mill-gvern u meta tkun intitolat għalihom, jimlew il-vojt għal meta jkun hemm kontribuzzjonijiet nieqsa fir-rekords tal-istorja tal-kontribuzzjonijiet tiegħek. Tinsiex li r-rata tal-pensjoni tiddependi fuq l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet li l-impjegat/a j/tikkontribwixxi u kontribuzzjonijiet kkreditati li għalihom hu/hi intitolat/a għalihom.
Krediti għall-impjegati li jaħdmu ma’:
- Il-Forzi Armati ta’ Malta;
- Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta;
- It-Taqsima tas-Servizzi Korrettivi; u
- Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Dawn huma dovuti biss meta jkun sar minimu ta’ 25 sena servizz fil-grad rispettiv u għalhekk eliġibbli għal pensjoni tas-servizz sħiħa mid-Dipartiment tat-Teżor.
L-impjegati mingħajr servizz sħiħ m’għandhomx dritt għal pensjoni ta’ servizz, u għalhekk, mhux intitolati għal xi krediti ta’ servizz tas-sigurtà soċjali.
Min-naħa l-oħra, għal dawk li jirċievu pensjoni tat-teżor u li jerġgħu jibdew l-impjieg wara li jintemm ix-xogħol ma’:
- Il-Forzi Armati ta’ Malta;
- Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta;
- It-Taqsima tas-Servizzi Korrettivi; u
- Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
il-perjodu ta’ impjieg jeħtieġ li jkun kopert minn kontribuzzjonijiet imħallsa mill-impjegat/a stess li ma j/tkunx kopert/a minn krediti. Il-krediti jiġu assenjati biss biex jimlew il-vojt għal meta persuna tirċievi pensjoni tat-teżor u ma tkunx fl-impjieg.
Il-krediti tar-romol jingħataw lir-romol li kienu jirċievu pensjoni tar-romol u li kisbu l-età tal-pensjoni u huma intitolati għal pensjoni tal-irtirar f’isimhom stess. Ir-romol huma intitolati għal krediti mid-data taż-żwieġ sal-età tal-pensjoni.
Każijiet ta’ konverżjoni huma talbiet tal-pensjoni tal-irtirar ta’ pensjonanti li jirċievu pensjoni tal-invalidità fl-età tal-irtirar. F’każijiet ta’ konverżjoni, jiġifieri meta sseħħ il-valutazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar, il-krediti ta’ invalidità huma inklużi fil-medja tal-kontribuzzjoni. Il-krediti jkopru l-perjodu meta persuna tkun temmet ix-xogħol minħabba inkapaċità għal xogħol parti/time jew full/time, u tingħata pensjoni tal-invalidità, kif deċiż mill-bord mediku maħtur.
Din il-parti tispjega d-drittijiet għall-krediti li jgawdu minnhom persuni intitolati għal pensjoni tal-carers lil persuni li huma intitolati għal assistenza soċjali għall-carers u anke għal dawk li jonqsu milli jissodisfaw il-kriterji ta’ test tal-mezzi għat-twettiq ta’ pensjoni tal-carers kif stabbilit fil-Parti IV tat-tieni skeda iżda li jissodisfaw Artikolu 106 (a) li jirreferi għall-eżami mediku.
![buzymummy](https://gemma.gov.mt/wp-content/uploads/2000/10/buzymummy-300x234.png)
Ara l-post tagħna fuq Buzymummy Malta – il-websajt għall-ommijiet imħabbta
Resumè:
L-aħħar emenda tagħti sentejn f’kontribuzzjonijiet ikkreditati għal kull wild lill- ġenituri mwielda bejn l-1 ta’ Jannar 1952 u l-31 ta’ Diċembru 1961 li jieħdu waqfa fil-karriera biex jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom. Huma eliġibbli għal massimu ta’ 6 snin għall-ewwel tlett itfal (wild wieħed* sentejn ta’ krediti* tlett itfal). Mir-raba’ wild ’il quddiem, tingħata sena addizzjonali ta’ krediti tat-tfal, sakemm il-ġenitur ikun reġa’ lura għall-impjieg għal minimu ta’ sena. Mir-raba’ wild ’il quddiem, tingħata krediti prorata jekk ħdimt inqas minn sena (52 kontribuzzjoni) qabel l-età tal-irtirar.
Għall-ġenituri mwielda wara l–1 ta’ Jannar 1962, il-massimu tal-krediti mogħtija huwa ta’ 12-il sena għall-ewwel tlett itfal, jiġifieri erba’ snin għal kull wild. Mir-raba’ wild ’l quddiem, jiġu assenjati sentejn addizzjonali ta’ krediti tat-tfal sakemm il-ġenitur ikun reġa’ lura għall-impjieg għal minimu ta’ sentejn (2), jew krediti prorata skont in-numru ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa meta jerġa’ jibda l-impjieg wara t-twelid tar-raba’ wild. Il-krediti tat-tfal mhumiex validi għal skopijiet ta’ pensjoni tal-invalidità iżda biss għal valutazzjoni ta’ talba għall-pensjoni tal-irtirar.
Id-drittijiet għall-krediti jinkludu persuna li:
- tfittex impjieg permezz tal-ETC, jiġifieri tirreġistra taħt l-ewwel parti tar-reġistru miżmum skont id-dispożizzjonijiet tal-att dwar is-servizzi ta’ impjieg u taħriġ. Din tirċievi benefiċċju tal-qgħad u għalhekk tikseb krediti ta’ benefiċċju;
- tagħmel xogħol volontarju f’Malta jew barra mill-pajjiż (u rikonoxxuta bħala tali). Din se tingħata massimu ta’ 260 kontribuzzjoni akkreditata sakemm din tkun reġgħet lura għal impjieg assigurabbli għal perjodu ta’ mhux inqas minn ħames snin;
- tirċievi l-benefiċċju tal-mard, jew benefiċċju ta’ korriment, jew benefiċċju tal-qgħad, jew benefiċċju speċjali għall-qgħad. Il-krediti jingħataw lil kull persuna assigurata (kontribuzzjonijiet tal-ħlas) għal kull ġimgħa kalendarja għal kull jum li fih hija intitolata għall-benefiċċji msemmija.