Qabel ma tinvesti t-tfaddil tiegħek fi prodott ta’ pensjoni privata jew xi prodott ieħor ta’ investiment jew tfaddil, huwa importanti li taħseb bir-reqqa fuq il-bżonnijiet uniċi u s-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali tiegħek.
Dan ser jippermettilek li tiddetermina jekk l-investiment hux tajjeb għalik. Dawn huma l-fatturi li trid tagħti kas:
Il-Fehim tal-Prodott tat-Tfaddil jew tal-Investiment
Huwa importanti li tifhem il-karatteristiċi ta’ kull prodott li tkun qed tikkunsidra u kif dawn jistgħu jaffettwaw il-kundizzjoni finanzjarja tiegħek attwali u tal-ġejjieni.
Meta tkun qed tiddeċiedi li tinvesti t-tfaddil tiegħek huwa importanti li:
- Jekk ma tifhimx il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott li jkun qed tiġi offrut, jew ir-riskji prinċipali li huma involuti, tinvestix. Inkella, ikkunsidra li tfittex parir professjonali dwar liema investiment jgħodd għalik.
- Inti għandek tkun konxju li xi drabi l-isem tal-prodott ma jkunx jirrifletti l-karatteristiċi tal-prodott. Inti għandek toqgħod attent ħafna għall-wegħdiet bħal ‘għoli’, ‘garantit’, ‘iħħeġġjar’ u redditi ‘assoluti’. Dawn il-wegħdiet jistgħu jkunu qarrieqa. Għaldaqstant, kun ċert li tifhem xi jfissru dawn it-termini. Jekk ikollok xi dubju mur għand konsulent finanzjarju indipendenti.
- Għandek toqgħod attent ħafna jekk tiġi bżonn li taċċessa flusek qabel ma l-prodott ikun suppost tħallas.
Il-Fehim tal-Ispejjeż Kollha u Reali Relatati mat-Tfaddil u mal-Prodott ta’ Investiment
Qabel ma tinvesti fi prodott, għandek tifhem x’inhuma l-ispejjeż reali kollha. L-ispiża tal-investiment ser taffettwa r-ritorn li x’aktarx ser tirċievi. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm prodotti simili disponibbli li jkunu inqas kumplessi u b’inqas spejjeż.
L-ispejjeż relatati mal-prodott li tiddeċiedi li tfaddal jew tinvesti fih jistgħu jaffettwaw il-mezzi ta’ sikurezza tal-irtirar li ser ikunu disponibbli għalik meta tirtira. Biex tkun taf aktar dwar kif dawn l-ispejjeż ser jaffettwaw il-mezzi ta’ sikurezza għall-irtirar ikklikkja hawn u hawn.
Kif Tieħu Ħsieb il-Livell tad-Dejn Tiegħek
Qabel ma tinvesti, int għandek tikkunsidra l-ammont ta’ dejn li għandek. Dan jinkludi d-dejn fuq id-dar, xiri ogħla, dejn fuq il-karozza u karti ta’ kreditu. Il-linji ta’ kreditu b’rati ta’ interessi għoljin u ammonti ta’ pagamenti għoljin jistgħu inaqqsulek l-abilità li tlaħħaq ma’ spejjeż mhux mistennija.
Bħala l-ewwel pass jista’ jkun għaqli li l-ewwel tħallas id-djun li għandek qabel ma tibda tfaddal għall-mezzi ta’ sikurezza għall-irtirar, partikolarment jekk ir-rati ta’ interessi li qed tħallas huma ogħla mir-ritorn ippjanat li għandek tirċievi mill-investimenti li ser tagħmel – liema ritorn mhux garantit.
Qabel ma tieħu dawk id-deċiżjonijiet għall-mezzi ta’ sikurezza tal-irtirar inti għandek tiddiskuti r-resposabbiltajiet attwali u l-ħtiġijiet finanzjarji mal-konsulent finanzjarju tiegħek.
Kif Tieħu Ħsieb il-Ħtiġijiet tad-Dħul Tiegħek
Il-ħtiġijiet tad-dħul tiegħek huma fatturi importanti u li għandek tikkunsidra. Ħafna minna għandna fluss ta’ dħul limitat – l-aktar minħabba d-dħul mill-impjieg tagħna, u kull deċiżjoni ta’ investiment għandha tikkunsidra kif dak l-investiment ser jaffettwa l-abilità tiegħek biex tlaħħaq mal-ħtiġijiet attwali u futuri tiegħek.
Għaldaqstant inti għandek tikkunsidra l-mistoqsijiet li ġejjin:
- Ser inkun kapaċi nsostni l-investiment tul iż-żmien?
- F’każ ta’ tibdil fis-sitwazzjoni finanzjarja attwali tiegħi, nista’ nbiddel l-abitudnijiet u l-prijoritajiet b’tali mod li jkolli l-flus meħtieġa biex insostni dan l-investiment fit-tul?
- Jien ser ikolli aċċess għal dawn il-fondi f’każ ta’ emerġenza?
- Il-miżati u l-ispejjeż ser inaqqruli mid-dħul tiegħi?
Huwa importanti li inti tipprepara lilek innifsek għat-tibdiliet fir-rati ta’ interess u l-kundizzjonijiet tas-suq li jistgħu jaffettwawlek il-fluss ta’ dħul tiegħek. Filwaqt li llum dawn huma baxxi – dawn ma kinux dejjem hekk. Għaldaqstant, hekk kif l-interessi jistgħu jiżdiedu inti tista’ ssib li l-interessi fuq id-dejn tad-dar jista’ jibda jiżdied.
Tifhem it-Tolleranza li Għandek fir-Rigward tar-Riskji
Tipi differenti ta’ prodotti ta’ investiment għandhom livelli differenti ta’ riskju. Ġeneralment, l-investimenti li huma mfasslin biex jippreservaw il-kapital għandhom riskju ta’ investiment anqas minn dawk l-investimenti mfasslin biex ikabbru l-ġid. Dan ifisser li l-prodotti ta’ investiment li huma mezzi ta’ tkabbir iġorru iżjed riskji sabiex jipprovdu ritorn għoli ferm fuq l-investiment li għamilt u għaldaqstant jiġġeneraw il-ġid għalik.
Madanakollu, dawn it-tipi ta’ investiment jgħoddu aktar għall-investituri li jixtiequ li jidħlu għal riskju addizzjonali biex ikabbru l-portafoll tagħhom. Meta tkun qed tfaddal għall-irtirar huwa importanti li tieħu parir finanzjarju mingħand espert biex jiggwidak lejn l-aktar prodotti ta’ investiment jew prodotti tal-irtirar xierqa. Il-kompożizzjoni ġusta ta’ prodotti li ser tfaddal fihom biex tibni l-mezzi ta’ sikurezza għall-irtirar ser jiddependi fuq l-età u l-orjentazzjoni li għandek għar-riskju.
Din l-informazzjoni mhix tippreżumi li tagħti xi parir dwar l-investiment. Madanakollu, tħeġġek li meta tippjana għall-irtirar inti għandek tkun kawt għaliex jekk l-istrateġija tal-irtirar tmur ħażin, il-konsegwenzi għalik u għal familtek jistgħu jkunu sinifikanti.
Għal aktar informazzjoni fuq ir-riskji tista’ tikklikkja fuq din il-link: http://mymoneybox.mfsa.com.mt/pages/viewcontent.aspx?id=74.
Inti tista’ wkoll tniżżel din il-gwida jekk tixtieq li ssir taf aktar dwar l-investiment fil-prodotti finanzjarji. Inti tista’ tniżżel il-verżjoni bil-Malti jew bl-Ingliż minn mymoneybox.com billi tikklikkja fuq din il-link: http://mymoneybox.mfsa.com.mt/pages/viewcontent.aspx?id=110.