“Wow … kemm tidher sabiħa”. “Dan skont verament tajjeb”. “Irrid nixtrih/a żgur dan/din”. Ħsibijiet bħal dawn ta’ spiss jgħaddulna minn moħħna. Dawn is-sentimenti huma normali u huma komuni għal ħafna persuni oħrajn. Bħala konsumaturi, ħafna mid-drabi aħna nkunu attirati lejn prodotti ġodda. Il-possibbilta’ li nkunu nistgħu nixtru oġġett għal prezz inqas milli kien stabbilit qabel, toffri l-istess livell simili t’attrazzjoni Il-pressjoni li ssegwi dak li hu kkunsidrat bħala moda tista’ wkoll tkun, minnha nnifisha, ta’ natura sinifikanti.
Aħna u nikbru, gradwalment tgħallimna li mhux kull ma jista’ jintlaħaq b’idejna għandna npoġġuħ f’ħalqna, peress li jista’ jkun ta’ periklu għal saħħitna. Bl-istess mod, bħala persuni adulti aħna rridu ngħallmu lilna nfusna kif niffurmaw it-tendenzi tal-infiq tagħna bl-aħjar mod. B’mod partikolari, huwa mportanti li nikkontrollaw ix-xiri impulsiv, li huwa t-tendenza ta’ persuna li taqbad u tixtri prodotti u servizzi dak il-ħin stess, mingħajr ma toqgħod iddum taħsibha wisq. Ix-xiri mingħajr konsiderazzjoni jinvolvi deċiżjoni mgħaġġla sabiex tissodisfa xewqa, jew desiderju, jew ħsieb. Din l-imġiba tista’ tkun iddeterminata minn kilba qawwi li tixtri, sabiex tkun tista’ tilħaq skopijiet ta’ gratifikazzjoni. Dan it-tip ta’ xiri ħafna mid-darbi jirrappreżenta nfiq li mhuwiex ippjanat.
Hemm diversi pariri li n-nies inġenerali jistgħu jseġwu sabiex ikunu jistgħu jimmaniġġjaw it-tendenzi tax-xiri tagħhom. B’dan il-mod, huma jkunu jistgħu jevitaw li jixtru ċertu prodotti, li b’aktar ħsieb u kunsiderazzjoni kienu jaraw in-nuqqas ta’ ħtieġa tagħhom fil-verita’. Għażla waħda hija li tikkundizzjona lilek innifsek sabiex ma taqbadx u tixtri dak li jkun laqtek mall-ewwel, anke jekk sempliċement iżżomm lilek innifsek lura milli tagħmel hekk għal ftit tas-sagħat biss. Dan jippermetti lil moħħok sabiex ikun jista’ jerġa jikkunsidra jekk dak il-prodott huwiex tabilħaqq xi ħaġa bżonnjuża jew le. Dan jaf ikun speċjalment ta’ importanza għal dawk li jwettqu x-xiri onlajn fuq bażi frekwenti. Suġġeriment ieħor huwa li tniżżel bil-miktub il-prodott li inti tkun tixtieq tixtri f’lista, ħalli b’hekk tkun tista’ timxi mal-istruzzjonijiet tiegħek stess li tixtri dak li hemm fil-lista biss, filwaqt li żżomm mal-baġit li tkun allokajt. Skond din il-manjiera, ix-xiri tiegħek ikun magħmul bi skop u kompatibbli mal-mezzi finanzjarji tiegħek stess.
Xi wħud tan-nies jistgħu jkunu jbatu minn illużjoni fejn jidħlu l-flus. Li tixtri l-prodotti bi flus kontanti, jew billi tuża l-karta ta’ kreditu, huwa bejn wieħed u ieħor ekwivalenti f’termini ta’ tnaqqis mir-riżorsi finanzjari tiegħek. Madankollu, psikoloġikament xi wħud jistgħu jsibuha ħafna aktar faċli li jonfqu flushom meta ma jkollhomx għalfejn li jisseparaw minn mal-flus kontanti tagħhom. Għal dawn il-persuni, il-parir offrut lilhom huwa li jippruvaw jibdew jużaw aktar il-flus kontanti, filwaqt li fl-istess ħin jaraw li jiddependu inqas fuq il-karta tal-kreditu tagħhom, sabiex b’hekk ikunu jistgħu jnaqqsu t-tendenza tax-xiri impulsiv.
Xi kultant, l-infiq tal-flus huwa kkunsidrat bħala terapija alternattiva kontra t-telqa, li minnha nnifisha tirriżulta minn sentimenti negattivi bħad-dwejjaq jew l-istress. Din hija strateġija kompletament ħażina, fejn din tista’ fir-realta tkompli toħloq aktar problemi finanzjarji. Minflok taqbad u tinfexx fix-xiri bla rażan, mingħajr ebda kunsiderazzjoni jew ħsieb, dak li jkun jagħżel li jwettaq attivitajiet oħra, bħall-eżerċizzju, jew li titkellem mal-ħbieb tiegħek, fejn dawn huma ta’ benefiċċju emozzjonali ħafna akbar, u mingħajr ebda effetti sekondarji.
Minn ĠEMMA