Fit-taħdit tal-lokal ta’ spiss jintużaw termini differenti biex jirreferu għall-pensjoni tal-irtirar provduta skont l-Att tas-Sigurtà Soċjali (l-Att). Tiltaqa’ ma’ termini bħall-Pensjoni Kontributorja tal-NI, il-Pensjoni tal-Istat, Il-Pensjoni taż-Żewġ Terzi, il-Pensjoni tal-Benefiċċji Kontributorji u l-Pensjoni tal-Irtirar fost l-oħrajn.
L-Att jiddefinixxi l-pensjoni fir-rigward tal-irtirar taħt l-iskema tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali bħala l-Pensjoni tal-Irtirar. Biex tikkwalifika għal tali pensjoni trid tilħaq ċerti kundizzjonijiet ta’ kwalifika stabbiliti taħt l-Att.
Il-Pensjoni tal-Irtirar hija differenti mill-Pensjoni tal-Età. Biex issir distinzjoni bejn il-pensjoni tal-irtirar taħt l-iskema tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u l-Pensjoni mhux Kontributorja tal-Età, din il-Bażi ta’ Għarfien tirreferi għall-pensjoni tal-irtirar taħt l-iskema tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali bħala l-pensjoni tas-Sigurtà Soċjali.
Huwa importanti li tinnota wkoll li l-Pensjoni tas-Sigurtà Soċjali hija differenti mill-Pensjoni tas-Servizzi, it-Tieni Pensjoni, it-Tieni Pensjoni Mandatorja (jew it-Tieni Pilastru tal-Pensjonijiet Obbligatorji) jew it-Tielet Pensjoni (jew il-Pensjoni tat-Tielet Pilastru). Dawn huma definiti kif ġej:
Il-Pensjoni tal-Età
Din hija l-pensjoni tal-benefiċċji mhux kontributorji skont it-test tal-mezzi. Biex tikkwalifika għall-pensjoni tal-irtirar taħt l-iskema tas-sigurtà soċjali trid tħallas livell minimu ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Jekk ma tħallasx dan il-livell minimu ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma tikkwalifikax għall-pensjoni tal-irtirar.
Minkejja dan, is-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ Malta hija mfassla biex tipprovdi liċ-ċittadini b’xibka ta’ sigurtà. Għaldaqstant, persuna li ma tkunx waslet tħallas il-livell minimu tal-kriterji tas-sigurtà soċjali tista’ tkun intitolata għall-Pensjoni tal-Età.
Jekk persuna ma tkunx kwalifikat għall-Pensjoni tas-Sigurtà Soċjali, din ma tirċevix il-Pensjoni tal-Età b’mod awtomatiku. Biex persuna tikkwalifika għall-Pensjoni tal-Età, tkun trid tgħaddi mit-test tal-mezzi tad-dħul u tal-kapital.
It-test tal-mezzi tad-dħul u tal-kapital huwa mekkaniżmu li jiżgura li dawk il-persuni biss li ma jilħqux il-livell definit tar-riżorsi tad-dħul u tal-kapital jikkwalifikaw biex jirċievu l-Pensjoni tal-Età.
Il-Pensjoni tas-Servizz
Qabel l-introduzzjoni tal-iskema tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali , relatata mad-dħul, fis-sena 1979, l-impjegati kienu jirċievu pensjoni okkupazzjonali mħallsa minn min kien jimpjegahom. Pereżempju, l-impjegati li daħlu mal-gvern qabel l-1979 kienu jirċievu dik li tissejjaħ ‘il-Pensjoni tat-Teżor’.
Ir-riformi tas-sigurtà soċjali tal-1979 ma ppermettewx aktar il-ħlas tal-pensjonijiet okkupazzjonali minn min iħaddem għall-impjegati tiegħu. Ħafna mill-kumpaniji privati xoljew tali skemi okkupazzjonali. Oħrajn, bħall-Pensjoni tas-Servizz qed ikomplu jingħataw lil dawk il-persuni li kienu impjegati fl-1979 jew qabel, skont, iżda, b’ċerti kundizzjonijiet.
It-Tieni Pensjoni
Din hija pensjoni li l-gvernijiet introduċew f’numru ta’ pajjiżi biex jinkoraġġixxu lin-nies biex ifaddlu sabiex ikollhom introjtu ieħor apparti mid-dħul tal-pensjoni tas-Sigurtà Soċjali għal waqt l-irtirar.
Fl-iskema tal-pensjoni sekondarja, il-kontribuzzjoni li tħallas, tmur direttament f’kont tal-pensjoni li jappartjeni lilek.
Skema tat-tieni pensjoni tista’ tiġi introdotta b’mod volontarju jew mandatorju.
Illum Malta ma għandhiex skemi ta’ pensjoni bħal dawn.
It-Tielet Pensjoni
Biex jinkoraġġixxi lin-nies biex ifaddlu għall-irtirar, il-gvern jinċentivak, ħafna drabi permezz ta’ krediti tat-taxxa, biex tinvesti fi skema tal-pensjoni privata personali. Ladarba inti bbenefikajt mill-inċentiv biex tinvesti fi skema tal-pensjoni privata personali, inti tkun suġġett għal ċerti kondizzjonijiet ta’ kif inti tista’ toħroġ it-tfaddil tiegħek minn tali skemi tal-pensjoni.
Normalment, tali skema ta’ pensjoni privata personali tkun fuq perjodu twil u ‘torbot’ it-tfaddil sa ċertu età. Xi wħud jibdew kmieni sa minn età ta’ 50 sena.
Wara dan, inti titħalla fl-għażla li tiġbed parti mit-tfaddil tiegħek bħala somma sħiħa u l-kumplament tat-tfaddil tirċevih bħala annwalità fix-xahar jew bħala dħul annwali / mensili jew bħala forma oħra ta’ dħul hekk kif stabbilit mill-qafas regolatorju stabbilit.
Fl-2015, Malta introduċiet qafas leġislattiv għall-provvediment tat-Tielet Pensjoni. Fil-fatt, sa min-Novembru 2015, il-fornituri tas-servizzi finanzjarji nedew numru ta’ skemi tat-tielet pensjoni.