Matul l-aħħar ħamsa u għoxrin sena, Malta ddeversifikat b’suċċess l-ekonomija tagħha minn waħda dipendenti fuq it-turiżmu, manifattura bi prezz baxx u industrija tqila lejn waħda dipendenti fuq it-turiżmu; servizzi u manifattura ta’ valur miżjud; u setturi tal-għarfien u tal-industrija kreattiva. Il-popolazzjoni li qed tixjieħ tagħmilha essenzjali li t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż jinkiseb primarjament mill-produttività li qed tespandi. Il-gvern jagħraf li l-espansjoni tal-produttività ma tinkisibx biss permezz tat-teknoloġija, l-innovazzjoni u t-titjib tal-effiċjenza iżda wkoll permezz tal-kompetenza, ħiliet u livelli ta’ għarfien tal-kapital uman disponibbli hawn Malta.
L-iżvilupp ulterjuri soċjali u ekonomiku ta’ Malta għaldaqstant jidher li huwa marbut mal-kompetenza, ħiliet u għarfien tal-kapital uman tagħha – li jirrikjedi titjib u approfondiment ta’ dawn il-kompetenzi, ħiliet u għarfien.
Barra minn hekk, it-tagħlim ta’ matul il-ħajja huwa strument ta’ politika strateġika għal dinja dejjem aktar dinamika kif ukoll għal xjuħija attiva. Tassew, li t-tagħlim ta’ matul il-ħajja isir iktar u iktar prekondizzjoni għall-integrazzjoni kontinwa tal-persuni – inkluż dawk ta’ età avvanzata. Huwa rikonoxxut li (i) livell għoli ta’ edukazzjoni jwassal għal integrazzjoni aħjar fis-suq tax-xogħol; u (ii) impjegati li jkollhom livell għoli ta’ edukazzjoni għandhom tendenza li jibqgħu aktar fit-tul fid-dinja tax-xogħol ladarba, pereżempju, kundizzjonijiet aħjar ta’ xogħol jirriżultaw fl-espansjoni tal-ħajja professjonali.
Meta inti tifhem li t-tkomplija tal-edukazzjoni avvanzata u għolja tkun deċiżjoni li inti qed tinvesti fik innifsek – u li potenzjalment tfisser li inti ser tidħol f’impjieg produttiv aktar tard milli kieku bdejt taħdem direttament wara l-iskola sekondarja jew postsekondarja – u li b’riżultat ta’ dan inti qed tikkontribwixxi għall-bank tal-kapital uman ta’ Malta, il-gvern ser jakkredita l-istorja tal-pensjoni għall-ħin li inti għamilt fl-edukazzjoni avvanzata u għolja u t-tagħlim ta’ matul il-ħajja kif muri fit-tabella ta’ hawn taħt.