It-teorija ekonomika tradizzjonali tenfasizza li b’mod razzjonali, matul iċ-ċiklu tal-ħajja inti tissellef meta tkun għadek żgħir, tfaddal u tibni l-ġid waqt l-età medja, u tonfoq dak li tkun faddalt fl-età avvanzata.
Fil-verità, inti ma ġġibx ruħek b’mod razzjonali meta tippjana fit-tul. L-evidenza mir-riċerka tal-imġiba ekonomika turi li bħall-parti l-kbira tal-persuni, x’aktarx li inti ma tantx tmur tajjeb fir-rigward tal-impenn għat-tfaddil għall-irtirar. Il-prokrastinazzjoni, il-mijopija u l-inerzja jwasslu lil ħafna nies biex jipposponu dan l-impenn biex ifaddlu biżżejjed fit-tul anki meta jkunu jafu li fl-aħħar mill-aħħar ser ikun għall-interess tagħhom stess.
Għalkemm taf li għandek tfaddal, u għandek l-aħjar intenzjonijiet li tagħmel dan, meta tiġi wiċċ imb’ wiċċ mal-kumplessità u n-numru sostanzjali ta’ għażliet, x’aktarx li tiddeċiedi biex ‘tħallih għall-għada’. Fl-istess waqt, x’aktarx li inti jkollok preferenza qawwija lejn l-istatus quo.
Hemm numru ta’ fatturi li jinfluwenzaw l-imġiba tiegħek. Li tifhem dan ir-rispons mill-aġir waqt it-teħid tad-deċiżjonijiet finanzjarji huwa importanti għalina, għax dan għandu impatt fuq it-tfassil b’suċċess tal-edukazzjoni tal-investitur u l-istrateġiji finanzjarji.
Ir-Rapport Finali (FR09/14) fuq Il-Qafas tal-Istrateġija għall-Edukazzjoni tal-Investitur u l-Litteriżmu Finanzjarju maħruġ mill-Bord tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummssjonijiet tas-Sigurtajiet f’Ottubru tal-2014 jidentifika dawn li ġejjin bħala l-aktar sinifikanti fir-rigward tar-rispons fl-imġiba fit-teħid tad-deċiżjonijiet finanzjarji:
- L-istmellija tal-ambigwità (Ambiguity aversion) – ix-xewqa li tevita ċirkustanzi mhux ċari, anki meta dan mhux ser iżid l-utilità mistennija.
- L-ankoraġġ u l-aġġustament (Anchoring and adjustment) – valur inizjali jew punt tat-tluq jinfluwenza d-deċiżjoni finali. L-effett tal-ankoraġġ jonqos iżda ma jgħibx mal-abilità konjittiva aktar għolja.
- Disponibilità tal-ewristika (Availability heuristic) – in-nies jiġġudikaw il-frekwenza jew il-probabilità ta’ xi avvenimenti fuq kemm isibuha faċli li jġeddu l-memorja jew jiftakru eżempji jew waqtiet.
- Il-preferenza tal-għażla (Choice preference) – wisq għażliet li jxekklu jew ma jħallux lil dak li jkun jieħu deċiżjoni selettiva.
- Il-favoritiżmu tal-konferma (Confirmation bias) – in-nies jużaw l-informazzjoni b’mod selettiv biex jikkonfermaw jew jaqblu mal-perspettivi li jkollhom. L-investituri li jkollhom favoritiżmu tal-konferma aktar b’saħħtu jesprimu wkoll aktar fiduċja żejda.
- Żvelar tal-kunflitt (Conflict disclosure) – l-iżvelar ta’ kunflitt ta’ interess jista’ jżid il-probabilità li l-kunflitt iseħħ tassew hekk kif iżid il-livelli ta’ fiduċja.
- L-effett tad-dispożizzjoni (Disposition effect) ‐ il-propensità ta’ investitur biex ibiegħ dak li jiġġenera l-qligħ kmieni wisq u jżomm lil dak li jiġġenera t-telf fit-tul wisq.
- L-effett tat-tfassil (Framing effect) – deċiżjoni influwenzata mill-qafas jew mill-isfond li fih tkun preżentata l-problema.
- L-aggregazzjoni (Herding) – fenomenu fejn ħafna nies jagħmlu l-istess azzjoni. L-informazzjoni li tikkonċerna n-numru ta’ tranżazzjonijiet preċedenti fis-suq hija partikolarment relevanti biex tispjega l-propensità tal-aggregazzjoni fost l-investituri.
- L-inerzja (Inertia) – l-għażla awtomatika ssir dik de facto anki jekk ma tkunx dik ottimali.
- Stmellija tat-telf (Loss aversion) – in-nies jippreferu ferm aktar li jevitaw telf żgħir milli jagħmlu gwadanni akbar. L-istmellija tat-telf ma titqajjimx meta jintefqu l-flus li jkunu fil-parametri ta’ baġit immirat għall-akkwisti, iżda meta joperaw barra mill-baġit intenzjonat. L-istmellija tat-telf tista’ tinbidel f’motivazzjoni lejn l-investiment sal-punt li meta n-nies ibassru t-telf, jibdew ifittxu r-riskju minflok jevitawh. Meta tkun valutata sitwazzjoni mill-perspettiva ta’ telf potenzjali, ‘iseħħ l-iffrejmjar tat-telf’. Investitur li jkun għaddej minn episodji kontinwi ta’ telf, jista’ jiddeċiedi li hemm bżonn jieħu riskju akbar biex jilħaq il-mira tiegħu. Ara wkoll ‘l-effett tat-tfassil’’ fil-favoritiżmi oħrajn u l-effetti relatati mat-teħid tad-deċiżjonijiet finanzjarji.
- Stmellija ta’ telf mijopiku (Myopic loss aversion) – kombinazzjoni tal-ismellija tat-telf u t-tendenza li wieħed jevalwa r-riżultati b’mod frekwenti. Dan iwassal lill-investituri biex ikunu aktar lesti jinvestu proporzjon akbar tal-portafoll tagħhom f’assi riskjużi jekk jevalwaw l-investimenti tagħhom b’mod inqas frekwenti.
- Fiduċja żejda (Overconfidence) – in-nies għandhom tendenza li jinnegozjaw b’mod frekwenti u b’hekk itellfu l-prestazzjoni tal-investiment tagħhom stess. L-investituri x’aktarx li jkollhom fiduċja żejda meta ma jkollhomx esperjenza hekk kif jibdew jitgħallmu x’inhuma l-abbiltajiet veri tagħhom bl-esperjenza. L-investituri li għandhom imġiba tal-ipproċessar tal-informazzjoni preġudikata fil-komunitajiet virtwali x’aktarx li jinnegozjaw b’mod aktar attiv u jiksbu rendiment agħar minħabba l-fiduċja żejda. Investituri b’fiduċja żejda, bi preġudizzju ogħla mill-medja, jinnegozjaw b’mod aktar frekwenti.
- Preġudizzju preżenti (Present bias) – il-piż eċċessiv li n-nies ipoġġu fuq l-ispejjeż u l-benefiċċji immedjati.
- L-istmellija tar-riskju (Risk aversion) – meta individwi jkollhom l-istess livell ta’ edukazzjoni finanzjarja, ma jkun hemm l-ebda differenza fil-ġeneru fil-livell tal-istmellija tar-riskju.
- Strutturar temporanju (Temporal framing) – in-nies ftit li xejn jagħtu kas tal-benefiċċji futuri bi preferenza għall-konsum fil-preżent.