Il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali tissejjaħ ukoll “bolla”. “Bolla” tirreferi għat-“timbru” li manwalment kien jiġi stampat fin-notebook ta’ persuna biex juri n-numru ta’ kontribuzzjonijiet li dik il-persuna tkun ħallset. Il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali tissejjaħ ukoll SSC jew NI, f’termini mqassra.
L-ammont ta’ kontribuzzjonijiet li jitħallas jiddependi fuq il-paga jew is-salarju gross tiegħek (fil-każ li inti impjegat) jew il-profitti (fil-każ ta’ persuna li taħdem għal rasha), imnaqqas mill-ammont gross tal-paga jew is-salarju tiegħek fil-każ ta’ impjegat. Għall-persuni li jaħdmu għal rashom, il-kontribuzzjonijiet jitħallsu fid-Dipartiment tat-Taxxi Interni – il-Furjana – f’April, f’Awwissu u f’Diċembru u l-kontribuzzjonijiet imħallsa huma bbażati fuq il-profitti tas-sena ta’ qabel.
Il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali huwa kruċjali peress li kontribuzzjonijiet neqsin jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv:
- il-medja tal-kontribuzzjonijiet
Din tkun ibbażata fuq l-għadd ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li inti tkun ġemmajt
- il-pensjoni li inti intitolat għaliha
Minbarra l-fatt li r-rata tal-pensjoni hija soġġetta għar-riżultat medju tal-kontribuzzjonijiet, l-aħjar snin magħżula jrid ikollhom sena sħiħa ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa (52)
- il-benefiċċji kontributorji l-oħra
bħall-pensjoni tal-invalidità - il-possibbiltà li tirtira ta’ 61, jekk mixtieq
Biex tirtira ta’ 61, japplikaw ċerti kondizzjonijiet (per eżempju: persuni mwielda matul l-1959 & l-1961, għandhom bżonn jakkumulaw 35 sena ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, li jfisser 1820 kontribuzzjoni biex japplikaw ta’ 61)
- l-opportunità li tibbenefika mill-miżura ta’ żieda sħiħa fil-perċentwal
Din il-miżura hija żieda fissa marbuta mal-posponiment tal-pensjoni lil hinn mill-età ta’ 61 u bil-kundizzjoni li l-persuna kellha biżżejjed kontribuzzjonijiet biex titlob pensjoni ta’ 61 iżda rrifjutat l-għażla, u għażlet li taħdem wara l-61 għal sena, sentejn, tlieta jew erbgħa.
Għall-impjegati, il-kontribuzzjonijiet li jħallsu jaqgħu taħt dik li hija magħrufa bħala l-kontribuzzjoni tal-Klassi I. Ikklikkja hawn għar-rati ta’ kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Klassi I.
Il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jitnaqqsu minn min iħaddem. Dan tal-aħħar iħallas ukoll is-sehem tiegħu, skont is-sena tat-twelid tal-impjegat u l-paga bażika ta’ kull ġimgħa.
Ejja ngħidu li qbiżt il-kontribuzzjonijiet għal perjodu ta’ ġimagħtejn, għax qlibt minn xogħol għal ieħor. Dan jirrendi s-sena sħiħa mhux kompluta (50 kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali minflok 52). Dan id-distakk żgħir m’għandux iħalli effett negattiv fuq ir-rata tal-pensjoni. Madankollu, aħna dejjem nissuġġerixxu li titlob valutazzjoni tentattiva.
ĠEMMA tissuġġerixxi wkoll li inti tiċċekkja r-rekords tiegħek stess – iċċekkja li l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u t-taxxa qed jitnaqqsu u jitħallsu minn min iħaddmek lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni. Jekk ikollok xi dubju, staqsi.
Għall-persuni li jaħdmu għal rashom il-kontribuzzjoni li tħallas taqa’ taħt dik li hija magħrufa bħala kontribuzzjoni tal-Klassi II. Tista’ ssir taf aktar dwar il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-Klassi II hawn.
Ir-rati tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali huma bbażati fuq il-profitt jew id-dħul nett annwali għas-sena ta’ qabel is-sena tal-ħlas tal-kontribuzzjoni. Pereżempju, is-sena tar-rati 2020 hija bbażata fuq il-profitti miksuba matul is-sena 2019.
Il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jitħallsu mill-individwu jew mill-accountant f’isem l-individwu f’April, Awwissu u Diċembru ta’ kull sena. Il-Kontribuzzjonijiet tal-Assigurazzjoni Nazzjonali jistgħu jitħallsu tard iżda tista’ teħel penali u mgħax fuq ħlasijiet tard.
Sena tat-twelid | Akkumulazzjoni |
Bejn l-1959 u l-1961 | 35 sena |
Bejn l-1962 u l-1968 | 40 sena |
Imwieled matul u wara l-1969 | 41 sena |
Għal persuni taħt l-età ta’ 18-il sena (kategorija A) u għal persuni ta’ 18-il sena jew aktar (il-kategorija B), li jaqilgħu mhux aktar minn €179.33 għall-2020, jeħtieġ li jħallsu r-rata pagabbli ta’ kull ġimgħa ta’ €17.93. Meta tagħżel li tħallas kontribuzzjoni li tkun inqas mill-ammont indikat hawn fuq, jiġifieri 10% tal-paga bażika ta’ kull ġimgħa, tkun qed tħallas frazzjoni tat-52 kontribuzzjoni fis-sena. Kontribuzzjoni bħal din, kif ukoll xi waqfien ieħor fir-rekords tal-kontribuzzjonijiet tiegħek (jiġifieri kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali nieqsa), jista’ jirriżulta fil-ħlas tal-benefiċċju kontributorju mnaqqas jew ta’ pensjoni kontributorja meta inti tikkwalifika għall-benefiċċju kontributorju jew għall-pensjoni kontributorja.
Jekk ma għandekx perjodu kontributorju sħiħ hemm skemi fis-seħħ li jippermettulek tħallas għall-kontribuzzjonijiet nieqsa – u b’ hekk jippermettulek iżżid id-dħul tal-pensjoni tiegħek. Jekk trid tkun taf aktar dwar dawn l-iskemi jekk jogħġbok Ikklikkja hawn.
Is-sistema tal-pensjonijiet tikkumpensak b’dawk li jissejħu “kredits” għal ċerti avvenimenti fil-ħajja li matulhom int ma tkunx f’impjieg bi ħlas– dawn jinkludu t-trobbija tat-tfal, l-istudju, ix-xogħol vokazzjonali, eċċ. Jekk trid tkun taf aktar dwar it-tipi differenti ta’ kredits u kif dawn jaħdmu, jekk jogħġbok agħfas hawn.
– Toqgħodx lura milli titlob għal valutazzjoni tentattiva li tagħtik previżjoni tal-pensjoni tal-istat li tagħmilha possibbli għalik li tirrifletti u tirranġa l-affarijiet. Previżjoni tal-pensjoni li inti intitolat għaliha hija dejjem ibbażata fuq l-istorja tal-kontribuzzjonijiet kurrenti tiegħek u għal dawk fl-impjieg, u tassumi li l-kontribuzzjonijiet isiru sad-data tal-irtirar. Fil-każ ta’ kontribuzzjonijiet nieqsa, tista’ tistaqsi fuq id-differenza fir-rata tal-pensjoni jekk il-kontribuzzjonijiet tal-imgħoddi mhux imħallsa jiġu ssetiljati.
– Barra minn hekk, tista’ titlob kopja tar-rekords tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fi kwalunkwe ħin, li turi kull sena fl-istorja tax-xogħol tiegħek u turik kemm tħallsu kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni nazzjonali. Snin nieqsa jistgħu jinbidlu fi snin sħaħ fl-età ta’ 59, kif spjegat hawn fuq.
– Jekk jiġu nnotati kontribuzzjonijiet nieqsa waqt li tkun impjegat, mhux neċessarjament jimplika li min iħaddmek naqas milli jħallashom f’ismek. Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jista’ jgħinek billi jibgħatlek ittra li jkollok bżonn tippreżenta l-IRD fejn titlob l-FS3s kif iggwidat mid-dipartiment.