Biex jirreferu għall-pensjoni kontributorja tal-irtirar, ħafna persuni, waqt it-taħdit, jużaw diversi termini fosthom: “pensjoni tal-irtirar”, “pensjoni”, “pensjoni kontributorja tas-sigurtà soċjali” jew “pensjoni tal-istat”.
L-età tal-irtirar hija determinata mis-sena tat-twelid tiegħek. Tista’ tara l-informazzjoni relatata mar-riforma l-ġdida tal-pensjonijiet, billi tikklikkja hawn. Ir-riforma l-ġdida tal-pensjonijiet hija pjuttost faċli biex tinftiehem, spjegata f’tabella biex tkun tista’ tagħmel referenza b’mod faċli.
X’inhi l-pensjoni taż-żewġ terzi? Pensjoni tal-irtirar jew il-pensjoni taż-żewġ terzi? X’inhi d-differenza?
Din hija l-pensjoni tas-sigurtà soċjali introdotta taħt ir-riformi li saru fl-1979. Ir-referenza taż-żewġ terzi torbot ma’ prinċipju li r-riformi kienu stabbilixxew: garanzija li d-dħul tal-pensjoni jkun 2/3 tad-dħul massimu pensjonabbli. Meta r-riformi ġew introdotti fl-1979, id-dħul massimu pensjonabbli kien marbut mal-ogħla paga imħallsa mill-gvern dak iż-żmien – dik tal-President ta’ Malta li kienet ta’ Lm 6, 000 jew €13,800.
Il-pensjoni taż-żewġ terzi tissejjaħ ukoll pensjoni relatata mal-qligħ. Dan għaliex l-intitolament tal-pensjoni tiegħek huwa relatat direttament mal-kontribuzzjonijiet li tħallas fuq il-paga jew is-salarju bażiku tiegħek u fuq id-dħul li jkollok.
Biex tikkwalifika għal:
(i) pensjoni taż-żewġ terzi trid tħallas numru minimu ta’ kontribuzzjonijiet: li jvarja minn 10 snin sa 12-il sena skont id-data tat-twelid tiegħek;
(ii) pensjoni sħiħa taż-żewġ terzi trid tkun ħallast il-kontribuzzjonijiet kollha meħtieġa – li jvarjaw minn 35 sa 41 sena skont id-data tat-twelid tiegħek.
Biex tkun intitolat għal pensjoni kontributorja tal-irtirar, persuna trid tissodisfa l-kundizzjonijiet statutorji:
- laħqet l-età tal-irtirar;
- ħadmet għal mhux inqas minn 10 snin jekk twieldet qabel l-1962 u minimu ta’ 12-il sena jekk twieldet matul jew wara l-1962.
Din tirreferi għall-pensjoni b’rata fissa li kienet teżisti qabel l-introduzzjoni tar-riformi tas-sigurtà soċjali fl-1979 – jiġifieri dawn kienu rreġistrati taħt l-att tal-assigurazzjoni nazzjonali ta’ dak iż-żmien.
Ir-rati fissi mħallsa jvarjaw, skont:
- il-medja tal-kontribuzzjonijiet;
- l-ammont ta’ pensjoni tas-servizz li tkun qed tirċievi, kif ukoll
- l-istatus tal-persuna (waħidha / miżżewġa/ tmantni ’l-konjuġi /ma tmantnix ’il-konjuġi.
Pereżempju: jekk il-persuna tkun raġel miżżewweġ li martu ma tkunx għadha qed tirċievi pensjoni tas-sigurtà soċjali, hu jitħallas b’rata ta’ miżżewweġ; l-istess għall-mara, sakemm il-konjuġi j/tkun intitolat/a għall-pensjoni tiegħu/tagħha f’ismu/isimha stess.
Tabella ta’ hawn taħt tirreferi għar-rati fissi li jingħataw b’relazzjoni mal-medja tal-kontribuzzjoni u l-istatus.
Miżżewġin | Rati tal-Pensjoni tal-Irtirar 2021 |
€ | |
50-52 | 125.88 |
40-49 | 120.19 |
30-39 | 109.82 |
20-29 | 99.48 |
Persuna Waħidha | Rati tal-Pensjoni tal-Irtirar 2021 |
€ | |
50-52 | 108.76 |
40-49 | 104.96 |
30-39 | 98.02 |
20-29 | 91.10 |
Huwa importanti li wieħed jinnota li dawn ir-rati fissi jingħataw lil persuni li jirċievu pensjoni tas-servizz, li meta mnaqqsa miż-2/3 tad-dħul pensjonabbli, tkun inqas mir-rati fissi applikabbli.