ĠEMMA bi pjaċir tħabbar li żviluppat sħubija strateġika mas-Servizzi tas-Saħħa Mentali (MHS). L-għan ta’ din is-sħubija huwa li tassisti, tfassal u timplimenta programm ta’ kapaċità finanzjarja għal dawk li jużaw is-servizzi tas-saħħa mentali – immirat lejn persuni b’kundizzjoni ta’ saħħa mentali li jgħixu fil-komunità. Is-sħubija għandha l-għan li ttejjeb il-litteriżmu finanzjarju u l-funzjonament indipendenti ta’ dawk li jużaw is-servizzi fil-komunità, permezz ta’ sessjonijiet ta’ ħidma u gwida.
Matul l-2020, ĠEMMA u s-Servizzi tas-Saħħa Mentali, flimkien mal-Fondazzjoni HSBC Malta, ħadmu flimkien fuq l-iżvilupp ta’ qafas ta’ ħiliet, programm ta’ taħriġ permezz ta’ workshop u gwida għal dawk li jużaw is-servizzi. Il-gwida dwar is-saħħa mentali u l-kapaċità finanzjarja jista’ jitniżżel billi tagħfas hawn.
Il-materjal ta’ taħriġ ġie ppruvat bi grupp ta’ nies li użaw is-servizz f’Novembru u Diċembru 2020. Il-proġett pilota tmexxa minn ĠEMMA, il-voluntiera tal-istaff tal-HSBC Bank Malta p.l.c., u ċ-Ċentru ta’ Riabilitazzjoni tal-MHS fil-Furjana. Fil-bidu tal-2021 twettqet post-mortem tal-proġett pilota sabiex it-tagħlimiet miksuba jintużaw. Dan kien segwit minn webinar online għall-professjonisti tas-servizzi tas-saħħa mentali, immirat biex jispjega l-programm dwar is-saħħa mentali u l-kapaċità finanzjarja kif ukoll biex iqajjem kuxjenza bejn il-korrelazzjoni għolja ta’ dħul aktar baxx fost il-persuni b’kundizzjoni tas-saħħa mentali u l-għarfien dwar il-kapaċità finanzjarja.
L-ewwel workshop dwar is-saħħa mentali u l-kapaċità finanzjarja għal dawk li jużaw is-servizzi se jsir hekk kif ir-regoli tal-COVID-19 jippermettu laqgħat wiċċ imb wiċċ.
ĠEMMA ser tkompli taħdem fuq is-sħubija strateġika ta’ ħames snin mas-Servizzi tas-Saħħa Mentali fl-implimentazzjoni ta’ dan il-qafas ta’ kapaċità finanzjarja għall-persuni b’kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali.