Il-Gvern ħabbar li laħaq qbil mal-banek kummerċjali kollha biex jillimita r-rata tal-imgħax fuq self ta’ kapital operatorju għal 3.5%.
Il-banek involuti huma l-Bank of Valletta, l-HSBC, l-APS Bank, il-MeDirect, il-BNF, il-Lombard Bank, l-Izola Bank u l-FCM Bank.
Barra minn hekk, il-Gvern se jkopri l-ewwel 2.5% tar-rata tal-imgħax għall-ewwel 24 xahar – fil-fatt se jipprovdi sussidju ta’ 2.5% fuq ir-rata tal-imgħax fuq il-kapital operatorju.
L-iskema hija limitata għal self ta’ kapital operatorju li huwa meħtieġ biex in-negozji jkomplu bl-operat ta’ kuljum tagħhom. Dawn li ġejjin huma eliġibbli għar-rata sussidjata ta’ imgħax:
- ħlas ta’ salarji;
- ħlas ta’ kirjiet u spejjeż ta’ kiri;
- ħlas ta’ kontijiet tad-dawl u l-ilma;
- ħlas ta’ invoices;
- xiri ta’ materjal u stokk;
- ħlas ta’ spejjeż relatati mal-kanċellazzjoni jew posponiment ta’ kuntratti minħabba l-COVID-19;
- ħlas tal-ispejjeż tal-manutenzjoni.