L-ewwel pass huwa li tiċċekkja kemm għandek dejn, u x’tip huwa. Id-dejn b’imgħax għoli li jiswiek l-aktar huwa l-prijorità, mhux id-dejn ta’ bla interess jew b’imgħax baxx. Self li ma jkollux imgħax għoli jew tariffi għoljin huwa passabbli; għalissa m’għandekx tikkunsidrah bħala prijorità. Huwa d-dejn b’imgħax għoli li jaffettwak l-aktar: karti ta’ kreditu u self personali. Dan huwa d-dejn li għandek tħallas fl-ewwel istanza.
Jekk għandek numru ta’ self biex tħallas lura, idealment tiffoka fuq il-ħlas ta’ wieħed. Filwaqt li żżomm il-bqija bil-ħlas minimu, tidderieġi l-flus żejda kollha tiegħek biex teħles minn dejn wieħed kull darba – dak bl-ogħla imgħax.
Hawn taħt se ssib deskrizzjoni ta’ żewġ strateġiji ta’ kif tista’ tħallas lura d-dejn. Il-parir ta’ ĠEMMA s’issa huwa li jekk possibbli tadotta l-istrateġija ta’ ħlas lura tad-dejn msejħa: Valanga.

L-aktar mod mgħaġġel biex teħles mid-dejn jissejjaħ valanga: it-tnaqqis tad-djun f’ordni ta’ kemm qed jiswa lilek. Ibda b’dik li taffettwak negattivament l-aktar: dik bl-ogħla rata ta’ imgħax u tariffi. Imbagħad idderieġi l-ħlasijiet tiegħek (u kwalunkwe flus żejda li jkollok) u immirahom għad-dejn bl-ogħla imgħax li jmiss, u tibqa’ għaddej hekk. Ħallas u rrepeti sakemm tkun ħallasthom kollha u d-dejn jinżel qisu valanga.
Il-ħlas tad-dejn li jiswiek l-aktar huwa l-aktar mod rapidu u irħis biex teħles mid-dejn.
Meta tiġi biex tagħmel dejn kbir, l-ewwel jeħtieġ impenn. Trid tiżgura li tkun kapaċi tagħmilha t-triq kollha biex tkun ħieles mid-dejn.
Il-ħlas tal-iżgħar dejn tiegħek l-ewwel jista’ verament jibda l-proċess tal-ħlas. Din l-istrateġija tissejjaħ ballun tas-silġ tad-dejn, u jista’ jkun tassew utli jekk għandek bżonn tħoss li qed tattakka d-dejn tiegħek. Ħallas l-iżgħar self li għandek. Imbagħad idderieġi l-ħlasijiet tiegħek (u kwalunkwe flus żejda) lejn l-iżgħar dejn li jmiss, u ibqa’ ‘għaddej. Inti tikseb momentum, u żżid il-veloċità bħal ballun tas-silġ, u fl-istess waqt tikseb il-motivazzjoni li tara dan iseħħ taħt għajnejk.
Li teħles mis-self iż-żgħir jagħtik momentum u motivazzjoni. Il-progress ikun jidher.
Dan mhuwiex l-aktar mod rapidu jew l-irħas mod kif tħallas id-dejn, iżda jista’ jagħtik il-kunfidenza meħtieġa biex tħallas id-dejn tiegħek.