L-overdraft hija mod kif tissellef flus mill-bank tiegħek, marbuta mal-kont kurrenti tiegħek – bażikament sabiex tista’ kultant tonfoq aktar milli għandek.
Overdraft bankarju jista’ jiġi awtorizzat jew mhux awtorizzat:
- Overdrafts awtorizzati huma rranġati minn qabel. Inti taqbel ma’ limitu ta’ self mal-bank tiegħek, u tista’ tonfoq flus sa dak il-limitu permezz tal-metodi normali kollha ta’ ħlas.
- Overdrafts mhux awtorizzati jseħħu meta tonfoq aktar milli għandek fil-kont bankarju tiegħek mingħajr ma tiftiehem bil-quddiem u tiġbed żejjed jew, jekk il-bank tiegħek ikun qabel dwar overdraft għalik f’dan il-każ inti taqbeż il-limitu li jistabbilixxu.
Jekk titħabat biex iżżomm kont ta’ flusek ĠEMMA tissuġġerixxi li tieħu l-azzjonijiet li ġejjin:
- Organizza l-pagamenti tiegħek. Jekk xi pagamenti regolari joħorġu mill-kont tiegħek eżatt qabel titħallas, ibdilha u għamilha eżatt wara li titħallas, jekk inhu possibbli.
- Uża it-twissijiet bl-sms. Jekk il-bank tiegħek joffri twissijiet bl-sms, issettja wieħed biex iwissik meta tkun nieqes mill-flus.
- Kun af il-limitu tal-overdraft tiegħek u kemm se tħallas jekk se taqbiżha.
- Żomm kont tal-bilanċ tiegħek. Iċċekkja meta tuża magna tal-flus jew iċċekkja online mas-servizzi bankarji fuq l-internet, jew żomm total li tieħu nota tiegħu inti stess.