- Diġà rċevejt fuljetti promozzjonali mill-istationeries?
- Il-lista famuża lura għall-iskola kienet mehmuża mar-riżultati tal-eżamijiet?
- Qatt ħsibt dwar l-istokks ta’ stationery li akkumulajt matul l-aħħar snin?
Ir-riċiklaġġ diġà sar parti mill-azzjonijiet tagħna ta’ kuljum. Allura, għaliex ma nerġgħux nużaw l-oġġetti tal-istationery ukoll?
L-istaġun tax-xiri, għax daqt lura għall-iskola, beda u x’aktarx se jkompli sa nofs Ottubru. Ħafna minnkom irċevew fuljetti promozzjonali mill-istationeries, biex ma nsemmux il-lista famuża lura għall-iskola mehmuża mar-riżultati tal-eżamijiet.
Il-ħtiġijiet għall-iskola jvarjaw kull sena, kif ukoll il-ħtiġijiet tat-tifel jew it-tifla tiegħek, hekk kif j/tiċċaqlaq minn livell edukattiv għal ieħor. Madankollu, hemm provvisti bażiċi li t-tfal jeħtieġu sena wara sena.
Bħala ġenitur / gwardjan, taf li t-tħejjija tat-tfal lura għall-iskola hija finanzjarjament kbira u tqiegħed piż finanzjarju fuq ħafna nies. Kif tista’ tnaqqas dan il-piż finanzjarju? Mod wieħed kif tista’ tagħmel dan huwa permezz tal-użu mill-ġdid ta’ oġġetti tal-iskola tas-sena l-oħra. Inti konsistentement terġa’ tuża l-affarijiet biex tiffranka – mela għaliex ma nagħmlux għall-iskola hekk wkoll?
Hawn taħt għandek xi suġġerimenti li forsi tixtieq issegwi:
- Staqsi jekk l-iscrapbooks tas-snin ta’ qabel (normalment nofshom mimlija) jistgħux jerġgħu jintużaw. Tista’ tikkjarifika dan mal-iskola permezz ta’ email. Dan se jieħu biss minuta jew tnejn.
- Uża mill-ġdid il-qxur tal-pitazzi, folders, fajls tal-kaxxa u l-istationery.
- Iddedika siegħa jew tnejn u pprepara lista tal-oġġetti kollha tal-iskola li diġà għandek u li jistgħu jerġgħu jintużaw is-sena skolastika li jmiss.
- Li tikteb lista tal-oġġetti li tista’ terġa’ tuża tista’ tieħu ħafna ħin. Però tinkwetax. Poġġi l-istationery li tista’ terġa’ tintuża f’cabinet
- Il-basket tal-iskola tas-sena l-oħra jista’ jerġa’ jintuża għal sena oħra?
- Iddedika l-ħin biex tħejji lista maqsuma skont l-oġġetti tal-istationery meħtieġa li għandhom jinxtraw.
- Tmurx għal oġġetti tad-ditta jew oġġetti ta’ skola li jkunu l-aktar popolari. L-istil u d-disinn jiswew il-flus. Barra minn hekk, l-oġġetti jistgħu jintilfu u eventwalment jintremew ladarba l-użu tagħhom ikun għadda. Jekk ikun hemm bżonn, waħħal stikers biex l-istationery sempliċi ssir aktar attraenti.
- Uża pitazzi qodma li ma jistgħux jerġgħu jintużaw l-iskola bħala rough paper.
- Jekk ikun hemm xi skontijiet ixtri stokk għas-sena ta’ wara. Ftakar biex toqgħod attent/a għall-iskontijiet li jkun hemm matul is-sena skolastika.
- L-ismijiet tat-tfal fuq l-istationery huma essenzjali – matul is-sajf waħħal l-isem tat-tifel/tifla tiegħek fuq kull oġġett tal-iskola. Dan ifisser li kwalunkwe oġġett mitluf, probabbilment, se jiġi rritornat.
- Ipprova tixtrix uniformi ġdida. Iċċekkja dak li diġà għandek biex tużah mill-ġdid matul is-sena skolastika li ġejja qabel tixtri. Jekk l-affarijiet jinżammu f’kundizzjoni tajba, jistgħu jerġgħu jintużaw, u ħafna drabi jingħataw lill-aħwa jew ħbieb iżgħar. Tiddejjaqx titkellem ma’ ġenituri oħra.
- Ixtri l-essenzjali.
- Ixtri uniformijiet daqs ikbar jew tnejn. Dejjem tista’ tnaqqas il-qadd, ittella’ l-keffa lill-qalziet u terġa’ tniżżilha meta jkun meħtieġ.
- Ikteb isem it-tifel jew tifla fuq l-uniformijiet b’marker permanenti. Qatt ma smajt bi flokkijiet jew ġkieket li ntilfu fi ftit ġimgħat ta’ użu għax ma tpoġġewx f’posthom? Din hi frustranti għal kull ġenitur kif ukoll tieħu ħafna ħin lill-għalliema. Billi timmarka l-uniformi, anke bl-inizjali biss, hekk iċ-ċans kbir li oġġetti mitlufa jew li ma tpoġġewx f’posthom jiġu rritornati lura.
- Ibda x-xiri minn kmieni biex tevita t-traffiku u l-kjuwijiet.
- Għaqqad ix-xiri għall-iskola ma’ qadjiet oħra.
- Jekk qed tixtri l-affarijiet tal-iskola online, oqgħod attent għall-ispiża tal-posta.
- Tħallix il-lista tax-xiri sal-aħħar minuta sabiex tkun tista’ tiċċekkja ħwienet differenti waqt li tkun tagħmel qadjiet oħra, biex tqabbel il-prezzijiet u takkwista l-aħjar prezzijiet.
- Agħmel lista u imxi magħha.
- Ixtri bl-ingrossa jekk il-provvisti jistgħu jinqasmu fost it-tfal fil-familja, jew ma’ ġar jew ħbieb.
- Iċċekkja ma’ aġenti li jissupplixxu l-istationery u l-uniformijiet tal-iskola barra li tiċċekkja l-ħwienet.
- Ixtri waqt li jkun hemm skontijiet.
- Ħu vantaġġ minn offerti, iżda għal darba oħra żomm mal-lista tal-bżonnijiet.
- Ixtri biss dawk l-affarijiet li għandek nieqsa.
- Tużax il-karta tal-kreditu għaliex din tippermettilek tixtri affarijiet fl-impuls tal-mument u s-sentiment huwa differenti xħin tixtri bil-flus kontanti tiegħek.
- Iċċedix għat-talbiet tat-tfal tiegħek. Żomm ma’ dak li huwa meħtieġ / mitlub mill-iskola. Spjega lit-tifel/tifla tiegħek l-importanza tal-ibbaġitjar tal-familja u li għażliet għaqlija jirrendu – aktar flus għat-tfaddil u għall-benefiċċji futuri.
- Ixtri r-rigali ta’ apprezzament għall-għalliema meta jkun hemm skontijiet.
- Iftaħ kont ta’ tfaddil separat li tuża biss għall-istationery, attivitajiet extrakurrikulari, u ħarġiet tal-iskola, lezzjonijiet privati u aktar.
- Għallem lil uliedek dwar il-valur tal-flus, anke jekk huma żgħar. Agħmel lit-tifel/tifla tiegħek kaxxa tal-flus għall-provvisti tal-iskola. Jistgħu jibdew jimmaniġġjaw il-kaxxa tal-flus tagħhom stess u jixtru xi oġġetti tal-istationery bl-ispejjeż għalihom. Ftakar li t-tfal jitgħallmu billi jagħmlu l-ħaġa u jitgħallmu permezz ta’ esperjenzi prattiċi, kif ukoll permezz ta’ tisħiħ u eżempju tajjeb. Il-benefiċċji huma numerużi: jifhmu l-valur tal-flus, l-immaniġġjar tal-flus, id-drawwiet tat-tfaddil, u l-indipendenza.
Bi ftit suġġerimenti, ix-xiri għall-iskola jista’ jagħmel inqas pressjoni finanzjarja fuq il-baġit tal-familja.
- Aqra l-pariri tagħna biex tiffranka l-flus.
- Kun xerrej għaqli meta t-tfal ikunu sejrin lura għall-iskola.
- Il-ħin li tqatta’ tippjana jirrendi.
- Ftakar li l-ispejjeż jitilgħu malajr.