Għalkemm ma hemm l-ebda informazzjoni disponibbli fir-rigward ta’ Malta, ir-riċerka barra l-pajjiż turi li l-abbuż finanzjarju fuq l-anzjani hija xejra li qed tikber. Apparti l-età tal-vittma, l-abbuż finanzjarju fuq l-anzjani huwa reat li ma jagħmilx distinzjoni lil min jolqot. Fatturi bħall-istatus soċjoekonomiku, il-ġeneru (hux mara jew raġel), l-isfond edukattiv u l-lok ġeografiku ma joffru l-ebda lqugħ li jipproteġik minn dan l-abbuż.
Abbuż finanzjarju fuq persuni anzjani jinkludi:
- It-teħid ta’ flushom jew tal-proprjetà tagħhom.
- L-iffirmar f’isimhom b’mod qarrieq jew il-falsifikazzjoni tal-firem tagħhom.
- Pressjoni qarrieqa jew l-użu ta’ influwenza mhux xierqa biex tipperswadihom jiffirmaw kuntratt, testment, jew prokura.
- It-teħid jew l-użu tal-proprjetà jew affarijiet oħrajn mingħajr il-permess tagħhom.
- Wegħda ta’ kura fit-tul (anke tul il-ħajja) bi skambju għal flushom jew proprjetà tagħhom biex imbagħad ma titwettaqx jew tinbidel bla mistenni waqt il-proċess.
- L-użu tal-qerq biex tinkiseb il-fiduċja tagħhom.
L-istrateġiji użati minn min jabbuża biex jikseb il-kunfidenza tal-anzjani
- Min jabbuża juża strateġiji speċifiċi biex jikseb il-kunfidenza tal-anzjani bi skopijiet ta’ frodi. Dawn l-istrateġiji jinkludu: jgħidu li jħobbuhom; javviċinawhom billi jgħidilhom li huma xi ħadd li joffri kura, jew li jagħti l-pariri, jew bħala fornitur ta’ xi servizz professjonali;
- Ifittxu lil min ikun romol billi jaqraw l-avviżi tal-mejtin, iżuru l-inħawi biex jidentifikaw persuni anzjani li jgħixu waħedhom;
- Jattendu fil-knisja jew funzjonijiet komunitarji biex isibu anzjani li jistgħu jkunu jgħixu waħedhom;
- Jisirqulhom oġġetti minn darhom.
Il-persuni tipiċi li jabbużaw
Sfortunatament ħafna minn dawn in-nies ikunu ħbieb qrib tal-familja jew membri tal-familja stess li jwettqu dawn l-abbużi. Dan jiġri minħabba l-fatt li dawn il-persuni jistgħu:
- jemmnu li huma intitolati, b’mod leġittimu, għal dak li huma jemmnu li huwa tagħhom bi dritt;
- jaħsbu li l-persuna anzjana se tonfoq it-tfaddil li jkollha, u b’hekk iċċaħħad lil membru tal-familja minn xi wirt;
- ikollu jew kellu relazzjoni negattiva jew ta’ abbuż mal-anzjan;
- jipprova jċaħħad lil xi membri oħrajn tal-familja jew lil xi aħwa milli jirtu lil din il-persuna anzjana;
- ikollhom bżonn il-flus biex jiffinanzja abbuż mid-droga, logħob tal-azzard, jew problemi simili.
Xi sinjali li għandek tagħti kas biex tassigura li l-għeżież tiegħek mhux qed jiġu abbużati finanzjarjament
Biex tgħin fil-protezzjoni tal-ġenituri anzjani tiegħek jew qrabatek minn xi abbuż finanzjarju huwa importanti li tidentifika li dan l-abbuż ikun qed iseħħ tassew. Sinjali li wieħed għandu joqgħod attent għalihom jinkludu:
- in-nuqqas ta’ ħeġġa mhux mistennija min-naħa tal-ġenituri tiegħek biex jiddiskutu kwistjonijiet finanzjarji;
- ħruġ ta’ flus f’daqqa, jew mingħajr spjegazzjoni, trasferimenti elettroniċi, jew xi tibdil ieħor fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-ġenituri tiegħek;
- kontijiet tas-servizzi jew xi kontijiet oħrajn li mhux qegħdin jitħallsu;
- ħbieb tal-qalb u ‘maħbubin’ ġodda;
- bidu jew aggravar ta’ mard jew diżabilità;
- bidliet fl-imġiba, bħal biża’ jew sottomissjoni, iżolament soċjali, aġir li jaħbi l-emozzjonijiet, dehra mitluqa, memorja batuta, impulsività, segretezza jew paranojja (dawn jistgħu jkunu wkoll sinjal marbutin mas-saħħa jew dimenzja);
- ix-xewqa għal għarrieda min-naħa tal-ġenituri tiegħek biex ibiddlu l-wirt;
- żieda f’daqqa fl-infiq min-naħa tal-ġenituri tiegħek jew infiq minn persuni li huma qrib il-ġenituri tiegħek;
- trasferiment ta’ titoli ta’ djar jew assi oħrajn lil nies oħra mingħajr ebda raġuni apparenti;
- ‘rigali’ ta’ ċertu portata u b’mod frekwenti lil dawk li jieħdu ħsiebhom jew nies oħra;
- proprjetà personali nieqsa;
- self kbir ta’ flus, mhux ġustifikat u bla mistenni;
- tentattiv minn partijiet terzi biex jiżolaw lill-ġenituri tiegħek minnek.
Ta’ min jinnota li l-vittmi anzjani ta’ abbuż finanzjarju jistgħu ma jkunux lesti li jfittxu l-għajnuna għax jibżgħu minn tpattija, ifittxu li jipproteġu l-membri tal-familja minn konsegwenzi legali, jew iħossuhom imbarazzati li jammettu li jkunu vittmi.