Fl-2019 ĠEMMA nidiet riċerka fuq il-kapaċità finanzjarja kofinanzjata mill-FSE tal-UE mmirata lejn 14-il grupp li ġew identifikati permezz ta’ konsultazzjoni meta kienet qed titfassal l-Istrateġija tal-Irtirar u tal-Kapaċità Finanzjarja (2017-2019).
It-teenagers huma identifikati bħala grupp vulnerabbli. Huma jiksbu l-ħiliet ta’ kapaċità finanzjarja minn żewġ sorsi. L-ewwel, mill-edukazzjoni. Il-kurrikulu l-ġdid introdott fl-2012 wassal għall-introduzzjoni tal-litteriżmu finanzjarju bħala suġġett cross kurrikulari tal-iskola primarja, u fil-Matematika u fl-Iżvilupp Personali, Soċjali u tal-Karriera f’livell medju – il-livelli 7 u 8. Wara dan, il-litteriżmu finanzjarju jiġi mgħallem lill-istudenti li jistudjaw l-accounts u l-economics minn livell 9 sa 11.
It-tieni, permezz tas-soċjalizzazzjoni, fejn il-familja hi l-aktar li tinfluwenzahom. Huwa proċess li jiggwida liż-żgħażagħ jifhmu l-finanzi u modi diversi kif tasal għad-deċiżjonijiet finanzjarji. Il-ġenituri li ma jkollhomx l-għarfien u l-ħiliet finanzjarji x’aktarx li ma jkunux ta’ mudell għal uliedhom biex dawn jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji bis-sens. Iż-żgħażagħ minn djar aktar sinjuri, għalhekk, huma aktar probabbli li jiksbu esperjenza ta’ kapaċità finanzjarja aktar kmieni f’ħajjithom.
Fl-età ta’ 16-il sena, iż-żgħażagħ x’aktarx li jkollhom l-ewwel kont bankarju tagħhom, kard tal-istudenti, u kard tal-flus. Ħafna żgħażagħ illum jibdew jaħdmu part-time fl-età ta’ 16-il sena u jaqilgħu l-flus tagħhom. ĠEMMA tqis li huwa importanti, li sa fejn ikun possibbli, iż-żgħażagħ ikollhom fehim tajjeb tal-ħiliet bażiċi li ġejjin: l-ibbaġitjar, id-dejn, li jkollok xibka ta’ sigurtà finanzjarja u l-ippjanar għall-futur. L-aħħar waħda hi forsi l-aktar ħila diffiċli fil-kapaċità finanzjarja biex jitgħallmu ż-żgħażagħ; l-idea li ta’ 16 jew 17-il sena tippjana għal għanijiet għal tul ta’ żmien ħafna drabi titwarrab (eżattament bl-Ingliż tissejjaħ: behavioural heurestics). Mill-banda l-oħra, jistabbilixxu għanijiet finanzjarji għaż-żmien futur qarib – bħall-ewwel btala weħidha jew ix-xiri ta’ karozza – li huwa realizzabbli peress li dan l-għan jista’ jsir f’perjodu qasir.
Fit-tħejjija tal-kampanja edukattiva ta’ għarfien għat-teenagers, saret riċerka. Din ir-riċerka twettqet minn Dr Maria Brown f’isem il-kuntrattur tagħna.
Ir-riċerka tikkonkludi:
- Ir-rappreżentanti ta’ dan il-grupp urew firxa relattivament sofistikati tal-litteriżmu u l-kapaċità finanzjarja – b’mod partikolari biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ komunikazzjoni, studju u mobbilità, bħal li l-ikliet ikunu magħmula mid-dar, ibbaġitjar u ffrankar.
- Minkejja l-età żgħira tagħhom, il-parteċipanti tal-grupp li fuqu ffokajna wrew interess fis-snin tal-irtirar, iżda ftit li xejn għarfien dwar il-kapaċità tal-irtirar.