Dawn li ġejjin huma suġġerimenti ta’ ĠEMMA immirati biex jgħinuk tikkontrolla d-dejn tiegħek.
Dan huwa l-ewwel pass – li tagħmel kont ta’ dak li għandek tagħti. Ara sew xi djun għandek kif ukoll (a) l-obbligi minimi ta’ ħlas lura ta’ kull xahar. Inkludi karti ta’ kreditu, ħlasijiet lura ta’ self, kontijiet mhux imħallsa, multi u kwalunkwe flus oħra li għandek tagħti. Imbagħad żid id-djun kollha biex tara kemm għandek tagħti b’kollox. Is-sitwazzjoni attwali tista’ tkun kerha. Fakkar lilek innifsek li inti se tieħu kontroll ta’ flusek. U dik hija ħaġa tajba.
Il-pass li jmiss huwa li tiddetermina kemm tista’ taffordja li tħallas il-pagamenti ta’ kull xahar li inti obbligat li tonora. L-aħjar mod biex isir dan huwa li jitfassal baġit. Nissuġġerixxu li tniżżel il-Planner ĠEMMA tal-Baġit Tiegħi biex jgħinek tagħmel wieħed. Daħħal fil-Planner ĠEMMA tal-Baġit Tiegħi l-flus kollha li jidħlu kull xahar (dħul), bħas-salarju jew il-benefiċċji. Imbagħad elenka l-flus kollha li joħorġu (djun u spejjeż), għal affarijiet bħall-ikel, il-kera jew id-dejn, il-karti ta’ kreditu, l-elettriku, it-telefown u t-trasport.
Għoddhom, imbagħad qabbel il-flus li deħlin u l-flus li ħerġin.
Jekk għandek aktar flus ħerġin milli deħlin, wasal iż-żmien li tagħmel l-għażliet it-tajbin. Ifhem dawn iż-żewġ fatturi importanti:
- “Ħtiġijiet” (ma tistax tgħaddi mingħajrhom)
- “Xi Trid” tista’ tgħaddi mingħajrhom, għall-inqas sa dak iż-żmien li jkollok kontroll fuq id-dejn tiegħek.
Identifika xi spejjeż li tista’ taqta’ jew tnaqqas. Kun realistiku — tagħmilhiex impossibbli li tilħaq il-miri tiegħek. Ara l-artiklu COVID-19 living on a reduced income għal modi kif tnaqqas l-infiq tiegħek.
Il-Planner ĠEMMA tal-Baġit Tiegħi
Segwi l-infiq tiegħek billi tuża l-għodda l-Planner ĠEMMA tal-Baġit Tiegħi li hija faċilment aċċessibbli. Din l-għodda tippermettilek telenka l-ispejjeż tiegħek kontra d-dħul tiegħek biex tikseb l-għanijiet finanzjarji tiegħek.
Jeħtieġ li tiddetermina kif l-aħjar timmaniġġja d-djun tiegħek. Jekk il-finanzi tal-familja tiegħek mhumiex imġebbdin u qed tlaħħaq mal-ħlasijiet tiegħek u għad baqagħlek xi flus kontanti – ibda ħallas dak id-dejn bl-ogħla imgħax. Nissuġġerixxu li taqra l-post tat-Tlieta li jmiss li huwa intitolat “Ħallas id-dejn tiegħek”.
Jekk qed titħabat biex tissodisfa l-ispejjeż tal-“ħtiġijiet” u tħallas id-djun tiegħek aħna ĠEMMA nirrakkomandaw bil-qawwa li tiffoka fuq id-djun prijoritarji tiegħek u tipprova tħallashom l-ewwel jekk tista’. Id-djun prijoritarji jinkludu:
- Kera
- Ħlasijiet fuq id-dar.
- Elettriku
- Ilma
Jekk għandek id-dejn fuq id-dar u qed titħabat biex tagħmel il-ħlasijiet, kultant tfalli xi wieħed jew taqa’ lura fil-pagament ta’ kull xahar, aħna t-tim ta’ ĠEMMA nagħtuk parir li tiltaqa’ mal-bank tiegħek u tispjega s-sitwazzjoni tiegħek lilhom u tiddiskuti magħhom pjan ġdid ta’ ħlas lura tas-self, jekk dan ikun possibbli.