L-imgħax spiss hu maħsub bħala l-ammont ta’ flus li bank iżommlok fuq self li tkun ħadt. It-terminu mgħax jirreferi wkoll għad-dħul li taqla’ fuq it-tfaddil u l-investimenti.
Hemm forom differenti li l-pjan tal-irtirar tiegħek jista’ jieħu sabiex tibni pakkett finanzjarju għall-irtirar. Tista’ tinvesti f’bonds tal-Gvern – bħall-bonds li joħroġ minn żmien għal żmien It-Teżor ta’ Malta, b’depożiti b’terminu fiss f’bank; f’ishma, self garantit u mhux garantit fil-Borża ta’ Malta kif ukoll f’postijiet oħra; u aktar reċentement fi Pjan ta’ Pensjoni Personali.
Dawn l-istrumenti kollha jiddependu fuq l-imġiba tas-suq. Il-bonds tal-Gvern jiddependu fuq kif l-aġenziji tal-kreditu jirrejtjaw il-prestazzjoni tal-gvern li tinfluwenza r-rata tal-imgħax ta’ pajjiż fuq is-self, (li huwa dak li jagħmlu l-bonds). Is-swieq, kif nisimgħu dejjem, jistgħu jinżlu kif ukoll jitilgħu.
ĠEMMA tavża li l-investimenti f’ishma, bonds garantiti u mhux garantiti għandhom isiru biss minn persuni li jifhmu s-suq finanzjarju u l-istrumenti finanzjarji kumplessi li huwa magħmul minnhom. Ir-rati tal-imgħax tal-banek għal dawn l-aħħar snin ma kinux attraenti għax ftit li xejn irendu fuq l-investiment tiegħek.
Il-qafas regolatorju tal-Pjan tal-Pensjoni Personali introdott mill-Gvern sa mill-aħħar tal-2015 huwa mekkaniżmu attraenti li għandek tikkunsidra. Dan jagħtik kreditu ta’ taxxa ta’ 25% sa kontribuzzjoni annwali ta’ massimu ta’ €3,000. Dan huwa ritorn attraenti. Tirċievi wkoll rata ta’ mgħax fuq it-tfaddil tal-pensjoni tiegħek kull sena. Fil-klima attwali dan jista’ jkun bejn 2.5% u 3% fis-sena.
Pedament importanti tal-Pjan tal-Pensjoni Personali huwa li ma jistax ikollok aċċess għat-tfaddil annwali u l-imgħax li jkun hemm, qabel ma tilħaq l-età ta’ 61 sena (u trid tiġi aċċessata sal-età ta’ 70 sena). Għalhekk minn sena għall-oħra l-imgħax li taqla’ jkun imgħax akkumulat fuq is-snin ta’ qabel. Fil-qosor, imgħax komposti. L-imgħax kompost jagħmel l-investimenti, u l-flus jikbru b’rata aktar mgħaġġla. Il-figura ta’ hawn taħt tippreżenta eżempju. Dan l-eżempju jassumi li se tinvesti €83 fix-xahar (€1,000) kull sena b’rata medja ta’ mgħax ta’ 2.5%.
Kif jidher miċ-ċifra, aktar ma tibda kmieni l-investiment tat-tfaddil tal-pjan tal-pensjoni tiegħek, akbar ikun il-pakkett finanzjarju tal-irtirar li se taċċessa mal-irtirar. Jekk għandek 25 sena u tidħol fi pjan bħal dan fl-ewwel impjieg tiegħek, u beħsiebek tirtira fl-età ta’ 65 sena, meta tirtira l-investiment tiegħek jiżdied minn €40,000 għal €70,087*. Bħala riżultat tal-imgħax kompost, l-investiment tiegħek żdied bi €30,087 – jew b’75%.