Ir-relazzjoni tiegħek saret waħda serja u ħadtu d-deċiżjoni li tgħixu flimkien? Ħsibtu kif se timmaniġġjaw fluskom u kif se taqsmu l-ispejjeż? Importanti li waħda mill-affarijiet li tiddiskuti qabel ma tibdew tgħixu flimkien hija l-immaniġġjar tal-flus. Jeħtieġ li tifhmu l-approċċ u l-attitudni ta’ xulxin lejn il-flus.
Tistgħu tiddeċiedu li tgħaqqdu d-dħul kollu tiegħek u dak tas-sieħeb/sieħba tiegħek f’fond wieħed u tużaw dan għall-ispejjeż kollha tagħkom – minn affarijiet żgħar ta’ kuljum sal-ħlas tad-dejn. Il-vantaġġ huwa li dan jagħmel l-ibbaġitjar aktar faċli biex timmaniġġja, u t-tnejn li intom ikollkom kontroll fuq il-flus u tara dak li s-sieħeb/sieħba tiegħek qed j/tonfoq. Biex tikseb dan it-tnejn ikollkom bżonn tiftħu kont konġunt.
S’issa kollox sew. Qabel ma tagħmel dan, madankollu, hawn taħt għandek xi ħsibijiet li għandek tikkunsidra:
B’differenza mill-ġurisdizzjonijiet barranin, il-valur kredenzjali tiegħek jew tas-sieħeb/sieħba tiegħek ma jkunx disponibbli għalik mill-banek rispettivi tagħkom. Il-banek iżommu nota tal-valur kredenzjali tiegħek – u fuq il-bażi ta’ dan il-valur kredenzjali jieħdu deċiżjonijiet fir-rigward tiegħek tas-self, eċċ. Għalkemm jista’ ma jkunx possibbli li tikseb il-valur kredenzjali tas-sieħeb/sieħba tiegħek, ħu nota tal-attitudni tas-sieħeb/sieħba tiegħek għall-flus matul ir-relazzjoni tagħkom: Il-kontijiet tal-karta ta’ kreditu tiegħu/tagħha dejjem ġew imħallsa fil-ħin? Is-sieħeb/sieħba tiegħek j/tonfoq bl-addoċċ jew ma j/tonfoq xejn? is-sieħeb/sieħba tiegħek kultant j/titolbok biex issellfu/issellifha l-flus sakemm tasal il-paga?
Żomm f’moħħok li jekk tiftaħ kont bankarju konġunt il-klassifikazzjoni tal-kreditu tiegħek tista’ tiġi affettwata.
Ladarba tiftaħ kont bankarju komuni, wieħed irid iżomm f’moħħu li se jkun responsabbli għad-djun li jistgħu jsiru, ħlasijiet tard, eċċ. Għalhekk qabel tieħu d-deċiżjoni li jkollok kont konġunt, jeħtieġ li tiżgura li tafda lis-sieħeb/sieħba tiegħek. Sieħeb/sieħba li għandu/ha attitudni irresponsabbli għall-flus jista’ j/twasslek għal kwistjonijiet kbar ta’ flus mal-bank tiegħek. Kun żgur li għandkom mudelli ta’ nfiq simili, drawwiet u mġiba – inkella ma taqblux u tibdew targumentaw fuq il-flus.
B’mod partikolari fil-bidu tista’ tibda biex tkun taf l-attitudni vera ta’ xulxin għall-immaniġġjar tal-flus. In-nuqqas ta’ regoli dwar l-immaniġġjar tal-flus jista’ jirriżulta f’tensjoni u argumenti konsiderevoli bejnietkom. Inti trid tiżgura li t-tnejn li intom għandkom l-istess fehim fir-rigward tar-responsabbiltà konġunta tal-flus. Dan ifisser li taqbel ma’ dak li kull wieħed minnkom se jġemma’, li l-kontijiet huma immaniġġjati mit-tnejn li intom, dak li tista’ taffordja u dak li ma tistax, il-limitu ta’ nfiq bejnietkom, il-bilanċ minimu li jrid jibqa’ fl-aħħar ta’ kull xahar, eċċ. L-istess jgħodd fir-rigward tad-dejn li se jiġi akkumulat minn xi wieħed minnkom fuq il-karta ta’ kreditu tal-kont.
Huwa importanti li tkun taf eżattament x’qed jiġri bil-flus tiegħek bħala koppja, għalhekk iddiskuti l-finanzi tiegħek mas-sieħeb/sieħba tiegħek regolarment u b’mod miftuħ. Dan jgħinek kemm biex tibqa’ involut fil-finanzi tal-familji, timmaniġġja l-flus tiegħek b’mod responsabbli u tittratta kwalunkwe kwistjoni flimkien.