Fl-20 ta’ Mejju, it-tim ĠEMMA se jniedi l-ewwel parti tal-ktieb elettroniku fuq l-iscams u l-frodi bil-għan li jżid l-għarfien u l-kuxjenza tiegħek dwar l-iscams u l-frodi potenzjali. B’hekk inti tkun tista’ tieħu l-azzjoni meħtieġa biex ma tħallix lil min jiskemmjak bil-possibbiltà li ssofri telf finanzjarju.
Dan Il-Ktieb iż-Żgħir l-Iswed hu miktub b’mod mexxej li jiffaċilita l-qari. It-tim ĠEMMA inkluda fih l-10 kmandamenti li jkopru l-biċċa l-kbira tal-iscams u l-frodi varji li wieħed jista’ jiltaqa’ magħhom; uħud tradizzjonali, bħal telefonati bi skop partikolari, kif ukoll oħrajn ispirati mit-teknoloġija, riżultat tal-użu aktar frekwenti tal-internet, li qed jirriżultaw f’hacking u serq ta’ informazzjoni.
Is-Sur David Spiteri Gingell, il-mexxej tat-tim ĠEMMA, esprima l-importanza li jinkitbu sensiela ta’ kotba elettroniċi dwar l-iscams u l-frodi. Dan il-kunċett tnieda għall-ewwel darba fl-2012 mill-Kummissjoni Awstraljana għall-Kompetizzjoni u l-Konsumatur u wara dan il-kunċett ġie rreplikat mill-Pulizija Metropolitana fir-Renju Unit u l-Kummissjoni għall-Kapaċità Finanzjarja fi New Zealand.
Huwa stqarr li Il-Ktieb iż-Żgħir l-Iswed huwa immirat għal persuni li għandhom 16-il sena jew aktar, l-età li persuna jkollha aċċess għal karta ta’ kreditu għall-ewwel darba. Il-ktieb elettroniku jagħti pariri utli u prattiċi dwar kif persuna għandha tipproteġi lilha nnifisha, bħal kif tipproteġi l-identità tagħha, tħallas online permezz ta’ servizz ta’ ħlas sigur, kif ukoll fejn għandha tirrapporta persuna f’każ ta’ suspett ta’ frodi. Ingħatat attenzjoni speċjali biex jintużaw termini mhux tekniċi u lingwaġġ tal-IT mhux tekniku żżejjed sabiex il-ktieb jinftiehem mill-persuna medja.
It-tim ĠEMMA, fl-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali. Is-Sur Mark Musù, is-Segretarju Permanenti, stqarr li dan il-ktieb elettroniku li ĠEMMA se tniedi huwa mezz ieħor adottat minn ĠEMMA biex jiżdied l-għarfien edukattiv dwar l-immaniġġjar tal-flus.
Il-Ktieb iż-Żgħir l-Iswed dwar l-Iscams u l-Frodi hu l-ewwel f’serje ta’ kotba elettroniċi oħra li ĠEMMA se tniedi, u dan jista’ jitniżżel b’xejn mis-sit elektroniku ta’ ĠEMMA billi taċċessa: https://gemma.gov.mt/gemma-e-book-the-little-black-book-of-scams-frauds/. Ir-reġistrazzjoni mhix obbligatorja.