L-imġiba tagħna, f’dak li jirrigwarda l-ippjanar tal-irtirar, hija kkundizzjonata minn dik li bl-Ingliż tissejjaħ: behavioural heuristics. F’termini sempliċi dan ifisser li d-deċiżjonijiet tagħna huma bbażati fuq regoli ġenerali li jissimplifikaw id-deċiżjonijiet minħabba kundizzjonijiet ta’ inċertezza.
Fid-dinja ta’ qabel il-COVID-19, ir-regola ewlenija ġenerali li ħalliet impatt fuq it-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ippjanar tal-irtirar kienet li l-irtirar baqagħlu ħafna biex jasal u li m’hemmx għaliex tippjana għalih bħalissa għaliex għandek żmien biżżejjed biex tagħmel dan. U għalhekk id-deċiżjoni li ġġemma’ għall-irtirar tibqa’ dejjem tiġi posposta.
L-għadd ta’ persuni li abbonaw għal pjan ta’ rtirar privat, minn mindu l-prodotti tal-pensjoni lokali daħlu fis-suq lejn l-aħħar tal-2015 sal-bidu ta’ din is-sena, laħqu kważi 6,000. Fi żmien qasir ħafna bdejna naraw kultura li bniedem iġemma’ għall-irtirar, kultura li trawmet permezz tal-pensjonijiet privati, u b’hekk dik il-persuna tiżgura dħul ta’ pensjoni oħra fl-irtirar li jikkumplimenta l-pensjoni tal-istat.
Hemm regola ġenerali oħra li taffettwa negattivament l-ippjanar għall-irtirar, dik tal-hawn u issa. Il-mentalità li tħallas l-affarijiet ta’ dak il-ħin, hekk imsejħa hawn u issa, bħad-dejn tad-dar, l-edukazzjoni, il-ħwejjeġ, eċċ, ħafna jarawha aktar importanti mill-ippjanar għal irtirar li huwa 30, 25 sena ’l bogħod.
Il-COVID-19 jikkomplika l-hawn u issa. Fil-preżent u issa, il-prijoritajiet tiegħek jistgħu jkunu qed inaqqsu min-nefqa tiegħek għaliex għandek dħul anqas mis-soltu u li ġġemma’ għall-pensjoni hija ħtieġa sabiħa iżda żgur mhux mixtieqa. Jekk għandek pjan tal-pensjoni jista’ jkollok it-tentazzjoni li twaqqaf il-kontribuzzjonijiet tiegħek fuq il-pjan tal-irtirar tiegħek; u jekk inti kont qed tippjana li tinvesti fi pjan tal-pensjoni jista’ jkun li qed tikkunsidra li tħassar kollox.
Fil-limitazzjonijiet tal-hawn u issa, it-tim ĠEMMA jirrakkomanda li inti ma twaqqafx kompletament il-kontribuzzjonijiet tiegħek. Jekk ikun possibbli, naqqas il-kontribuzzjoni mħallsa iżda poġġi kull xahar xi ħaġa fil-pjan tal-pensjoni tiegħek sabiex tkompli ssaħħaħ is-sigurtà finanzjarja futura tiegħek. Tinsiex, int intitolat għal kreditu ta’ taxxa ta’ 25% tal-kontribuzzjoni massima annwali ta’ €2,000.