Dan il-ktieb elettroniku huwa l-ewwel parti minn serje ta’ żewġ partijiet dwar l-iscams u l-frodi. L-idea ta’ dan il-ktieb nibtet meta rrealizzajna li l-għarfien u l-pariri dwar kif tipproteġi lilek innifsek kontra l-iscams u l-frodi huma frammentati. Aħna wkoll irrealizzajna li aħna stess konna qed noħolqu kontenut fuq l-iscams u l-frodi b’mod mhux strutturat. Aħna konxji wkoll li jekk inti vittma ta’ scam jew frodi u tixtieq tirrapporta x’aktarx tħossok mitluf/a. Lil ĠEMMA ħadilha ż-żmien biex takkwista l-informazzjoni fejn persuna għandha tirrapporta scam.
Fit-tħejjija ta’ dan il-ktieb elettroniku aħna rreplikajna The Little Black Book of Scams li ġie mniedi għall-ewwel darba fl-2012 mill-Kummissjoni Awstraljana għall-Kompetizzjoni u l-Konsumatur. Il-kunċett warajh qabad sew. Il-Pulizija Metropolitana fir-Renju Unit u l-Kummissjoni għall-Kapaċità Finanzjarja fi New Zealand irreplikaw dan il-kunċett. Il-verżjoni maħruġa mill-Pulizija Metropolitana, tal-2019, li kienet ir-raba’ edizzjoni, kienet aġġornata bl-aħħar scams u frodi.
X’hemm speċjali f’The Little Black Book of Scams? Għoġobna l-kunċett għaliex:
- jippreżenta l-iscams u l-frodi b’lingwaġġ sempliċi u bi kliem tekniku mill-inqas;
- jippreżenta pariri dwar kif tipproteġi lilek innifsek kontra l-iscams u l-frodi, li huma faċli biex tifhimhom;
- jirreferik għal riżorsi li jgħinuk tistabbilixxi kif inti għandek tipproteġi lilek innifsek;
- jipprovdik bi gwida dwar x’azzjoni għandek tieħu u fejn tmur f’każ li tiġi scammed.
F’din l-ewwel parti, aħna se nesploraw dawn il-frodi u l-iscams li ġejjin:
- Hotspots tal-WI-FI
- Frodi fuq vaganzi
- Scams tal-mowbajl
- Scams tal-investimenti
- Serq tal-identità
- Frodi tan-namur u tad-dating
- Frodi tal-kards tad-debitu u tal-kreditu
- Frodi bl-internet banking