Mhux kulħadd irid parir finanzjarju individwali u mhux kulħadd jista’ jaffordjah. Dawk li jiksbu parir finanzjarju individwali jridu li jkollhom parir sod u affidabbli. F’xi swieq tat-tfaddil u tal-pensjonijiet jintużaw regoli prattiċi (dawk li bl-Ingliż insejħulhom Rules of Thumb) biex jagħtu pariri ġenerali lill-irtirati. Definizzjoni prattika ta’ regoli prattiċi hija: “Prinċipju sempliċi, ġeneralment affidabbli fin-nuqqas ta’ parir sħiħ li jipprovdi gwida ġenerali ta’ kif jintlaħaq għan finanzjarju”.
Evalwazzjoni reċenti tal-pariri finanzjarji fir-Renju Unit mill-Awtorità dwar il-Kondotta Finanzjarja u t-Teżor tirrakkomanda l-importanza li jiġi żviluppat sett ta’ regoli prattiċi li jinkoraġġixxu l-użu tagħhom mill-aġenziji li joffru gwida lill-persuni li jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji.
L-ekonomija tal-imġiba tissuġġerixxi li minħabba li n-nies isibu d-deċiżjonijiet finanzjarji diffiċli, u jistgħu jagħmlu żbalji, in-nies ġeneralment jibbenefikaw mir-regoli prattiċi għax ikunu “imbuttati” biex jaħsbu dwar il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom u biex jikkunsidraw li jieħdu azzjoni. Ir-regoli prattiċi jipprovdu din l-imbuttatura u jiggwidaw lin-nies f’dan il-punt f’ħajjithom. Dan ifisser li dawn ir-regoli biex ikunu ta’ suċċess, għandhom:
- imexxu ’l-persuna għall-għarfien rilevanti meħtieġ għad-deċiżjoni;
- jagħtu gwida affidabbli, li tiġi ttestjata u aġġornata;
- ikunu normalizzati, biex ineħħu parti mill-biża’ biex tittieħed deċiżjoni;
- jindirizzaw mistoqsija speċifika;
- ikunu faċli biex jinftiehmu u biex jiġu segwiti;
- jistgħu jintużaw bħala gwida jew mira; u
- joffru kors ta’ azzjoni aħjar milli kieku mingħajrhom.
Madankollu, huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li r-regoli:
- mhumiex perfett;
- jistgħu ma jakkwistawx l-aħjar riżultat possibbli għal kulħadd; u
- ma jistgħux ikun magħmula u minsija iżda minn żmien għal żmien jeħtieġu reviżjoni.
Studju minn New Zealand Society of Actuaries (2017) jiddikjara li regoli simili jistgħu jkun utli biex jiġu segwiti minn persuni li se jiġbdu (it-terminu tekniku Ingliż użat huwa deaccumulate) flus mill-fondi tal-pensjoni tagħhom minħabba li:
- il-biċċa l-kbira tal-irtirati għandhom tfaddil relattivament modest u ħafna drabi ma jagħżlux li jixtru pariri finanzjarji għal fondi żgħar;
- il-kalkolu ta’ kemm persuna għandha tiġbed mill-fond tal-pensjoni huwa diffiċli għall-irtirati peress li persuna tista’ tgħix lil hinn mill-istennija tal-għomor, għalhekk pariri prattiċi simili jkunu ta’ gwida ġenerali, kemm jekk ikun hemm aċċess għal parir finanzjarju, kif ukoll jekk le;
- ir-regoli prattiċi jaqblu mat-tfittxija għal modi aktar sempliċi kif jingħata parir lil firxa wiesgħa ta’ nies, inkluż permezz ta’ robo-advice.
L-istudju jżid li l-pariri prattiċi relatati mal-ġbid mit-tfaddil mill-fond tal-pensjoni tiegħek m’għandhomx jiġu ssimplifikati żżejjed. Meta mqabbel mal-fażi tat-tfaddil (fejn normalment ikun miftiehem li kwalunkwe tfaddil huwa aħjar minn xejn), il-ġbid tal-flus mill-fond tal-pensjoni tiegħek huwa aktar diffiċli biex jiġi ġġeneralizzat u hemm aktar riskji involuti, fosthom:
- se jkollok riżorsi limitati meta tidħol fiż-żmien, speċjalment ladarba tkun waqaft taħdem, għalhekk huwa diffiċli ħafna li tirkupra minn żball jew xorti ħażina;
- ir-riskji tal-investiment u tal-lonġetività huma importanti meta tidħol fiż-żmien, iżda ħafna drabi dawn mhumiex mifhuma sew;
- int u persuni oħra għandkom punti ta’ tluq differenti għall-irtirar tagħhom u l-għanijiet, il-preferenzi u l-ambizzjonijiet tagħhom għall-irtirar ivarjaw.
F’serje ta’ posts li jmiss se jiġu diskussi r-regoli prattiċi li ġejjin fir-rigward tal-ġbid mit-tfaddil mill-fond tal-pensjoni tiegħek: