Fit-18 ta’ Ġunju, ĠEMMA għamlet post bir-riżultati ta’ stħarriġ li wettqet dwar l-għarfien fost il-persuni li twieldu fl-1962 jew wara dwar kif taħdem is-sistema tal-pensjonijiet fir-rigward tagħhom. L-istampa ġenerali hija inkwetanti. Il-biċċa l-kbira tan-nies għandhom idea estremament vaga ta’ kif taħdem is-sistema tal-pensjonijiet tal-istat u kif taffettwahom direttament. Dan ifisser li hemm numru kbir ta’ individwi li qed jippjanaw l-irtirar tagħhom abbażi ta’ għarfien limitat, jekk mhux ukoll żbaljat.
Kif tikklassifika l-għarfien tiegħek dwar kif taħdem il-pensjoni tal-istat u kif din taffettwak?
- Kunfidenti ħafna?
- Kunfidenti biżżejjed?
- Mitluf għal kollox?
Biex tgħinek tifhem aħjar kif taħdem is-sistema tal-pensjonijiet fir-rigward tiegħek ĠEMMA ħejjiet dan il-manwal. Dan jispjega, b’mod sempliċi, l-elementi ewlenin tas-sistema tal-pensjonijiet tal-istat u kif dawn jaffettwawk.
Qabel ma tara l-manwal u r-riżorsi l-oħra, nissuġġerixxu li tagħmel il-kwestjonarju fl-Appendiċi A. Dan jippermettilek tikklassifika l-livell ta’ għarfien tiegħek fuq il-pensjoni tal-istat.
Ladarba tlestih, warrab għall-ġenb it-tweġibiet tiegħek. Wara, nissuġġerixxu li tara l-manwal u r-riżorsi l-oħra. Ladarba tagħmel dan, nirrakkomandaw li timla l-kwestjonarju għat-tieni darba. Meta tagħmel dan, tkun tista’ tqabbel it-tweġibiet li tajt l-ewwel darba li mlejt il-kwestjonarju u tat-tieni darba mat-tweġibiet korretti li ssib fl-Appendiċi B tal-manwal. Ipprova tħarisx lejn it-tweġibiet qabel ma timla l-kwestjonarju.
Napprezzaw is-suġġerimenti tiegħek dwar kif nistgħu ntejbu t-tixrid ta’ għarfien u informazzjoni simili – kemm fir-rigward ta’ kif inwassluhom kif ukoll il-lingwaġġ li nużaw. Nistennew bil-ħerqa li nisimgħu mingħandek fuq l-indirizz elettroniku gemma@gov.mt.
Tista’ ssegwi wkoll dawn ir-riżorsi addizzjonali li jmorru ma’ dan il-manwal:
- Kontenut dwar diversi affarijiet relatati mas-sistema tal-pensjonijiet tal-istat – ikklikkja hawn.
- Vidjows dwar kif taħdem is-sistema tal-pensjonijiet tal-istat u kif tista’ taffettwak – ikklikkja hawn.
Jekk tixtieq titgħallem aktar dwar il-pensjonijiet tal-istat, l-immaniġġjar tal-flus u l-kapaċità finanzjarja, nistednuk iżżur il-paġna tagħna tal-Mistoqsijiet Komuni.
Nissuġġerixxu wkoll li tidħlu fuq il-paġna tagħna tal-għodod.
Hawnhekk issib portal għal għodod utli żviluppati mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, li waħda minnhom hi servizz elettroniku li permezz tiegħu tista’ tistaqsi għal valutazzjoni tentattiva tad-dħul tal-pensjoni tal-istat tiegħek mal-irtirar.