Fl-aħħar ġimgħat, Malta esperjenzat numru ta’ scams u frodi. L-aħħar waħda kienet email jew SMS fejn l-iscammers jippreżentaw irwieħhom bħala ħaddiema tas-servizz postali ta’ Malta u jinfurmaw lill-persuni li ma setgħux jibagħtu l-konsenja ta’ pakkett/i minħabba ħlas insuffiċjenti ta’ tariffi tat-tbaħħir. Wara l-persuni jiġu diretti biex jikklikkjaw link biex iħallsu d-differenza biex jirranġaw għall-kunsinna.
Fi stqarrija, il-Korp tal-Pulizija qal li mill-inqas 200 persuna waqgħu għal din l-iscam – bil-vittmi jiġu scammed bejn €800 u €1,800 – u li f’ġimagħtejn, l-ammont ta’ frodi (dak li ġie rrappurtat) laħaq €100,000.
Aħna nħeġġuk tipprintja din l-infografika għall-użu tiegħek kif ukoll biex tpoġġi kopja tagħha fuq il-post tax-xogħol tiegħek.
Jekk issegwi l-pariri ppreżentati f’din l-infografika għandek inqas ċans li tkun SMISHed. Bħal dejjem nirringrazzjaw lil Fondazzjoni e-Skills Malta għall-infografika.
Jekk taħseb li skoprejt scam jew kont fil-mira ta’ waħda minnhom, ĠEMMA tagħtik parir li tirrapporta dan. Tħallix li l-iscammer jeħlisha. Ftakar li hemm nies vulnerabbli li jista’ ma jkollhomx l-għarfien li għandek int u għandhom riskju għoli li jiġu scammed sakemm l-iscam ma tkunx imwaqqfa.
Ikkuntattja lis-Cyber Crime Unit fil-Korp tal-Pulizija ta’ Malta kif ġej:
Online: computer.crime@gov.mt
Bit-telefown: +356 2294 2231/2
In Persona: Ċempel jew żur kwalunkwe Għassa tal-Pulizija u għamel rapport. L-Uffiċjal tal-Pulizija tad-Distrett se jitlob l-assistenza ta’ membru tas-Cyber Crime Unit kif meħtieġ.