Is-swieq finanzjarji dinjija tal-ishma waqgħu ħafna u għalhekk huwa naturali li qed tippanikja. Inti forsi qed taħseb biex tbiegħhom u toħroġ issa biex issalva xi ħaġa mill-investimenti tiegħek, jew inkella tħalli l-investimenti tiegħek jinġarru mill-effetti tal-COVID-19 bil-possibbiltà li titlef kollox.
It-tim ĠEMMA jissuġġerixxi li inti ssegwi dawn iż-żewġ passi matul dan il-perjodu.
- Aħseb darbtejn qabel ma tbigħ l-investimenti tiegħek
- Evita li tiċċekkja l-portafoll tiegħek kull 5 minuti
1. Aħseb darbtejn qabel ma tbigħ l-investimenti tiegħek
Żomm f’moħħok li l-ekonomiji jimxu f’ċikli – u dak li jgħid il-qawl Malti: “mnejn għadda darba l-wied stennieh jerġa’ jgħaddi”, jiġri f’ħafna każijiet. Il-waqgħa tas-swieq tal-ishma ġiet ħabta u sabta. Jekk tbigħ l-investimenti tiegħek int assigurat żgur minn ħaġa waħda: il-flus li se titlef tad-differenza bejn il-prezz li bihom xtrajt l-ishma tal-investimenti tiegħek u dak ta’ meta tbigħhom qatt mhu se tirkuprah. Dak garantit. Min-naħa l-oħra m’hemm l-ebda garanzija li inti se tirkupra t-telf tiegħek jekk inti ma tbigħx l-investimenti tiegħek. Xi darba wara l-COVID-19 l-ħajja terġa’ tirpilja u l-ekonomiji, inklużi s-swieq tal-ishma, se jibdew telgħin. Il-mistoqsija li trid tistaqsi lilek innifsek hija: x’inhi l-probabbiltà li l-kumpaniji li investejt fihom se jkunu għadhom magħna wara l-COVID-19?
ĠEMMA jirrakkomanda li inti ma tiħux dawn id-deċiżjonijiet importanti fi stat ta’ paniku. Aħsibha darbtejn qabel tibda tbigħ mill-portafoll tiegħek fi stat ta’ paniku. Aħna nissuġġerixxu bil-qawwa li qabel ma tieħu din id-deċiżjoni tkellem lill-maniġer tal-investiment li ggwidak tixtrihom jew konsulent finanzjarju indipendenti.
2.Evita li tiċċekkja l-portafoll tiegħek kull 5 minuti
Dażgur li importanti li tiċċekkja biex tara kif il-portafoll tiegħek miexi. Madankollu, anke meta l-ekonomija miexja tajjeb, il-konsulenti finanzjarji jagħtuk parir biex ma tħarisx lejn il-portafoll tiegħek kuljum. Meta tħares lejn il-prestazzjoni tal-investiment tiegħek kuljum, se tkun iffukat fuq it-telf – u jekk inqisu l-mod kif taħdem l-imġiba tal-bniedem, jekk tara li l-investiment tiegħek sejjer ħażin minn jum għal ieħor, inti se tikkonkludi li għamilt għażla ħażina – u se tikkonkludi li huwa aħjar jekk taqta’ t-telf tiegħek u toħroġ qabel dawn imorru għall-agħar.
Iżda l-fatt hu li l-investimenti huma fit-tul. L-imġieba tal-ekonomija, u ħafna drabi s-swieq tal-ishma jikkorrispondu magħha, hija ċiklika – se jkun hemm żminijiet meta tara l-investiment telgħin u oħrajn meta se tarahom neżlin. Il-probabbiltà hi li l-investimenti se jmorru tajjeb fuq medda twila ta’ żmien minħabba li, ħafna drabi, huma jerġgħu jitilgħu u jikkumpensaw għaċ-ċiklu ekonomiku negattiv.
Li tiċċekkja kuljum fuq l-investimenti tiegħek taħt is-sitwazzjoni tal-COVID-19 jista’ jirrendik ossessjonat u jista’ jkollu impatt fuq is-saħħa mentali tiegħek. Minflok ma tagħmel hekk, nissuġġerixxu li titkellem mal-maniġment tal-investiment tiegħek għal żewġ affarijiet. L-ewwel, itolbu biex jimmonitorja l-investiment tiegħek għalik. Dan huwa n-negozju professjonali tiegħu u għalhekk hu aktar jaf x’qed jiġri fid-dinja finanzjarja u x’azzjonijiet pajjiżi madwar id-dinja qed jieħdu fir-rigward tal-COVID-19. Għidlu javżak meta jkun hemm bżonn jittieħdu xi passi u ddiskuti l-azzjonijiet miegħu qabel ma tiddeċiedi. It-tieni, iddiskuti miegħu jekk il-portafoll ta’ investiment tiegħek huwiex ibbilanċjat sew – jiġifieri l-investimenti tiegħek humiex mifruxa fuq ishma, bonds garantiti u mhux garantiti, eċċ. Jekk l-investimenti tiegħek mhumiex diversifikati kif suppost, iddiskuti miegħu strateġija ta’ kif din id-diversifikazzjoni se ssir u l-punti fejn se jittieħdu d-deċiżjonijiet – pereżempju, issa jista’ ma jkunx il-ħin it-tajjeb għad-diversifikazzjoni iżda jistgħu jinħolqu opportunitajiet hekk kif l-ekonomija tibda tirkupra.