ĠEMMA fi ħdan il-Ministeru għas-Solidarjetà u Ġustizzja Soċjali, il-Familja, u d-Drittijiet tat-Tfal jingħaqad mal-Kamra tal-SMEs għall-għoti ta’ taħriġ fil-kapaċità finanzjarja lil persuni li jaħdmu għal rashom u lil sidien ta’ negozji żgħar
Li tkun taħdem għal rasek definittivament fih il-vantaġġi tiegħu – tal-inqas, inti l-imgħallem tiegħek innifsek. Madankollu x’aktarx li se tiffaċċja wkoll sfidi fl-immaniġġjar tal-flus minħabba anqas għarfien dwar il-kapaċità finanzjarja.
L-istrateġija nazzjonali dwar il-kapaċità finanzjarja identifikat lill-persuni li jaħdmu għal rashom bħala grupp vulnerabbli. Dan jirriżulta minn għadd ta’ raġunijiet – li jinkludu:
- Diffikultajiet fis-separazzjoni tal-ispejjeż tan-negozju u tal-familja;
- Għarfien dwar l-amministrazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali;
- Perċezzjoni qawwija li l-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali hija taxxa;
- Ippjanar għall-irtirar;
- L-immaniġġjar tal-amministrazzjoni bankarja u l-ippjanar għall-investiment u t-tkabbir.
ĠEMMA, il-pjattaforma tal-kapaċità finanzjarja tal-gvern, ospitata fl-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għas-Solidarjetà u Ġustizzja Soċjali, il-Familja, u d-Drittijiet tat-Tfal, qed tingħaqad mal-Kamra tal-SMEs biex tintroduċi programm dirett lejn persuni li jaħdmu għal rashom u sidien ta’ negozji żgħar biex jikkowċjawhom dwar affarijiet ta’ kapaċità finanzjarja.
Dan huwa s-seba’ Memorandum ta’ Qbil li l-Ministeru ffirma ma’ stakeholders importanti għat-tagħlim fuq il-kapaċità finanzjarja – l-oħrajn huma l-Bank Ċentrali ta’ Malta, l-Università ta’ Malta, il-BOV, l-MSV Life, il-General Workers Union u l-Fondazzjoni eSkills Malta.
Is-Sur Mark Musù, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru, iddikjara li “avviċinajna lill-Kamra tal-SMEs biex naraw jekk flimkien nistgħux nadottaw dan il-kunċett għall-forniment ta’ taħriġ fuq il-kapaċità finanzjarja lil persuni li jaħdmu għal rashom. Għalina, il-persuni li jaħdmu għal rashom jitqiesu bħala grupp vulnerabbli” sabiex il-programm tal-ikkowċjar jinbeda b’mod konġunt “biex tiżdied il-kapaċità finanzjarja tal-persuni li jaħdmu għal rashom”.
Agħfas hawn sabiex taqra d-diskors mis-Segretarju Permanenti Mr Mark Musu.
Dr Michael Falzon, il-ministru responsabbli, qal li “huwa rikonoxxut kemm mill-UE kif ukoll mill-OECD li nuqqas ta’ għarfien dwar il-kapaċità finanzjarja jirriżulta direttament f’żieda fil-faqar” u li f'”Settembru 2020 permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, il-Kummissjoni rrakkomandat għadd ta’ miżuri biex jiżdied il-litteriżmu tal-kapaċità finanzjarja – inkluż l-iżvilupp ta’ qafas ta’ kompetenza finanzjarja u miżuri ta’ tagħlim li jappoġġjaw l-edukazzjoni finanzjarja tal-konsumaturi.”
Agħfas hawn sabiex taqra noti mid-diskors tal-Ministru Dr Michael Falzon.
Dr Falzon enfasizza li dan il-Memorandum ta’ Qbil mal-Kamra tal-SMEs huwa inizjattiva importanti oħra li aħna bħala gvern bdejna naħdmu fuqha biex intejbu aktar il-livell ta’ kapaċità finanzjarja f’Malta.
Il-pjattaforma tal-kapaċità finanzjarja tal-Ministeru tista’ taraha f’din il-website: www.gemma.gov.mt.