Għandna pjaċir inħabbru li ĠEMMA minn dan ix-xahar tifforma parti mir-rivista elettronika Sagħtar. ĠEMMA żgur li se tkun preżenti fuq Sagħtar sal-aħħar tas-sena. Fis-slot tagħha ta’ kull xahar, ĠEMMA se tintroduċi kunċetti ta’ immaniġġjar ta’ flus lit-tfal. ĠEMMA se tagħmel dan billi tiddiskuti kunċett partikolari u mbagħad tagħti eżerċizzju għall-applikazzjoni ta’ dan il-kunċett.
Fil-ħarġa ta’ Frar niddiskutu l-ibbaġitjar, l-ippjanar u dak li persuna teħtieġ u dak li trid. L-eżerċizzju huwa dak tal-ippjanar ta’ btala b’baġit stabbilit ta’ €2,000. Niżżel il-kalkulatur tal-baġit tal-ivvjaġġar ta’ ĠEMMA billi tagħfas il-link xierqa fl-artiklu.
Aħna nħeġġu lill-ġenituri biex joqogħdu bilqiegħda mat-tfal u jaħdmu magħhom l-eżerċizzju ta’ ppjanar tal-vaganzi billi jużaw il-kalkulatur tal-baġit tal-ivvjaġġar ta’ ĠEMMA. Nistiednu wkoll lill-għalliema biex jużaw l-artiklu, l-eżerċizzju u l-kalkulatur tal-baġit tal-ivvjaġġar ta’ ĠEMMA fil-klassi.
Ġentilment nitolbuk ukoll biex issegwi ĠEMMA fuq www.gemma.gov.mt. Kull ġimgħa naġġornaw il-posts u r-riżorsi ta’ kull xahar li huma utli għalik, għall-ġenituri biex jgħallmu lit-tfal tagħhom dwar l-immaniġġjar tal-flus, u għall-għalliema biex jużawhom fil-klassi meta jiddiskutu affarijiet relatati mal-immaniġġjar tal-flus.