Iż-żamma ta’ annimal domestiku ġġib magħha spejjeż biex tieħu ħsiebu sew u dawn l-obbligazzjonijiet finanzjarji ma jgħoddux għal kulħadd. Qabel ma ġġib annimal domestiku, staqsi lilek innifsek jekk tistax tieħu dan l-inkarigu tul ħajtek biex tieħu ħsiebu sew.
Dawn li ġejjin huma xi ftit mill-ispejjeż li trid tikkunsidra biex iżżomm jew tieħu ħsieb annimal domestiku.
- Ix-xiri tal-annimal.
- Il-miżati tar-reġistrazzjoni.
- L-ispejjeż tal-veterinarju bħalma huma l-microchipping, il-vaċċinazzjoni, it-tiswija, trattamenti kontra d-dud u l-briegħed, visti regolari għand il-veterinarju eċċ.
- L-ikel tal-annimal.
- L-aċċessorji – il-kullar u ċ-ċineg, l-iskutelli għall-ikel u x-xorb, fejn jorqod, ġugarelli, twapet ta’ fejn iħammeġ eċċ.
- L-assigurazzjoni tal-annimal.
- It-tiswija tal-annimal domestiku.
- Servizzi oħrajn – taħriġ tal-obbidjenza, tqaxxir tas-suf eċċ.
Qabel ma trabbi annimal domestiku, agħmel stima tal-ispejjeż li ser toħroġ f’daqqa fil-bidu u dawk l-ispejjeż kontinwi u ara jekk tħossokx komdu tħallashom. Ftakar, li ż-żamma ta’ annimal domestiku hija rabta fit-tul li tista’ ddum ferm aktar minn għaxar snin. Għandek tkun konxju li, bl-istess mod bħall-bnedmin, l-ispejjeż mediċi ser jitilgħu hekk kif l-annimal jibda jixjieħ. Ftakar ukoll fit-trattamenti mediċi komuni inkluż it-trattamenti għad-dentistrija u l-artrite.
Xi wħud mill-annimali domestiċi huma għoljin biex iżżommhom. Mod wieħed biex issib l-annimal domestiku tiegħek mingħajr ma tonfoq ħafna flus huwa li taddotta wieħed miċ-ċentri li joffru kenn għall-annimali mmexxija minn organizzazzjonijiet volontarji jew billi tfittex fuq l-internet.
Jekk tixtri annimal domestiku, kun żgur li tixtrih minn petshop ta’ reputazzjoni tajba għal garanzija aħjar li l-annimal ikun b’saħħtu. Xi wħud li jrabbu u jkattru l-annimali illegalment jistgħu jbigħu annimali li jkunu morda jew annimali li ma jkunux ġenetikament b’saħħithom bi prezz baxx li jista’ jirriżulta fi spejjeż mediċi għoljin.