It-telf tal-impjieg jirriżulta fi stress u jqiegħed pressjoni fuq il-finanzi personali tiegħek. Anki jekk tkun irċevejt kumpens b’riżultat tat-tkeċċija, it-telf ta’ xogħlok jista’ joħloq problemi biex tlaħħaq mal-obbligi finanzjarji tiegħek.
Żomm lil familtek infurmata
Parti importanti mill-proċess hija li żżomm lill-familja tiegħek aġġornata dwar dak li jkun qed jiġri.
Meta l-partner tiegħek, it-tfal u membri oħrajn tal-familja jifhmu s-sitwazzjoni, jistgħu jkunu ta’ appoġġ kbir waqt li tkun qed tipprova tirrimedja s-sitwazzjoni sakemm issib impjieg ġdid.
Fassal baġit biex tnaqqas l-infiq
L-ewwel pass tajjeb huwa t-tfassil ta’ baġit sabiex int u l-familja tiegħek tkunu tistgħu timmaniġġjaw jew tnaqqsu l-infiq sakemm issib dħul stabbli ieħor. Is-sitwazzjoni se tkun ftit aktar faċli jekk għandek xi tfaddil jew jekk il-partner tiegħek ikollu/ha xogħol, imma normalment ikun għaqli li wieħed jaqta’ għalkollox jew inaqqas l-infiq żejjed.
- Agħmel lista tal-elementi bżonnjużi u dawk mhumiex, wara pprijoritizza l-ħtiġijiet u x-xewqat tiegħek, u ara jekk hemmx xi spejjeż bla bżonn li tista’ tnaqqas biex tiffranka l-flus. Kun preparat biex tagħmel tibdil fl-istil ta’ ħajja.
- Tista’ tagħmel użu mill-Planner ĠEMMA tal-Baġit Tiegħi biex tfassal il-baġit tiegħek. Il-kera, l-assigurazzjoni, is-self, il-kontijiet tad-dawl, l-ilma, il-gass u l-ikel huma elementi essenzjali tipiċi.
- Jekk ikun possibbli, ħallas il-kontijiet tal-karta ta’ kreditu u self ieħor mill-ewwel sabiex tevita tariffi addizzjonali u konsegwenzi oħra minħabba li tkun waqajt lura bil-pagamenti tiegħek.
Ipprova evita t-tentazzjoni li tuża l-kreditu. Aċċerta ruħek li tevita s-self sabiex:
o tħallas l-ispejjeż tal-ħajja ta’ kuljum – jekk għandek diffikultà biex tħallas il-bżonnijiet ta’ kuljum, is-self tal-flus jista’ jqiegħdek fid-dejn;
o tixtri affarijiet li tista’ tevita – jekk tista’ pposponi x-xiri tal-affarijiet li tista’ tgħaddi mingħajrhom sakemm terġa’ tibda taħdem u tfaddal xi ħaġa tal-flus; b’hekk tevita l-ispejjeż relatati mal-imgħax għalkollox;
o tħallas dejn ieħor – bħall-ħlas ta’ karti ta’ kreditu permezz ta’ self minn karti oħrajn.
Jekk vera jkollok bżonn tissellef, qabel ma tagħmel dan, kun żgur li tista’ taffordja l-ħlasijiet ta’ dejn ġdid apparti l-ispejjeż jew l-impenji li għandek bħalissa, u evita sorsi multipli ta’ kreditu biex tiffaċilita ż-żamma tar-rekords tal-pagamenti.
Ikkunsidra li tieħu l-azzjoni li ġejja:
- Kun ċert li titkellem mal-bank tiegħek jew min ikun sellfek u għarrafhom li qed tesperjenza diffikultà finanzjarja. F’ħafna każi, il-banek jistgħu jkunu disposti jeżaminaw is-sitwazzjoni tiegħek u jaħdmu miegħek biex jgħinuk issolvi l-problema. Pereżempju, jista’ jkollok il-possibbiltà li ttawwal it-terminu tas-self jew tirranġa biex tipposponi l-ħlas lura għal perjodu temporanju.
- Kemm tista’, ħallas id-dejn kull xahar, tal-anqas ħallas l-ammont minimu dovut fuq kull self. Jekk tista’ taffordja tħallas iktar, ħallas l-ewwel is-self li għandu l-ogħla rata ta’ imgħax.
- Agħti prijorità ogħla lid-djun garantiti bħall-ipoteka milli l-pagamenti kurrenti ta’ dejn mhux garantit tat-tip tal-karti ta’ kreditu, biex ma tirriskjax li titlef darek.
- Irrevedi l-baġit tiegħek, kif intqal qabel. Hemm xi nfiq mhux essenzjali li tista’ tnaqqas jew tipposponi biex tagħti prijorità l-ħlas tad-djun tiegħek?
- Ikkunsidra li tikkonsolida s-self, il-linji tal-kreditu u l-bilanċi tal-karti ta’ kreditu f’self uniku permezz ta’ skeda mfassla għall-pagamenti. Billi tikkonsolida jew permezz ta’ rifinanzjament tas-self, inti tista’ tiffranka fuq il-ħlasijiet fuq l-imgħax u timmaniġġja d-djun tiegħek b’pagament wieħed.
Iċċekkja l-benefiċċji tiegħek
Tista’ tkun eliġibbli għal kumpens ta’ terminazzjoni tal-impjieg minn min iħaddmek. Iċċekkja l-kuntratt tal-impjieg tiegħek, jew staqsi lid-dipartiment tar-riżorsi umani ta’ min kien iħaddmek biex tara jekk hemmx xi kumpens dovut.
F’xi każijiet, inti tista’ tikkuntattja lid-Dipartiment tal-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali, li jista’ jkun utli biex jiġi żgurat li inti tieħu dak li huwa dovut lilek.
Jekk min kien iħaddmek kellu pjan ta’ benefiċċji tas-saħħa jew xi pjan ieħor, il-kopertura tiegħek tista’ tkompli anki wara li l-impjieg tiegħek ikun intemm. Jekk m’intix ċert dwar id-dettalji, staqsi lil min kien iħaddmek qabel. Xi kumpaniji jipprovdu servizzi ta’ riallokament lil dawk il-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja.
Għandek tikkuntattja wkoll lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali biex tiddiskuti l-benefiċċji disponibbli għalik u kif taċċessa dan id-dritt.
Irrevedi l-investimenti tiegħek
Agħti titwila lejn l-investimenti tiegħek u ara x’jista’ jiġi faċilment likwidat (mibjugħ) mingħajr ma tħallas penali jew mingħajr ma tidħol f’wisq spejjeż, f’każ li jkollok bżonn l-flus.
Ikkunsidra l-edukazzjoni u t-taħriġ mill-ġdid
Tista’ tikkunsidra li tuża l-perjodu li tkun bla xogħol bħala opportunità biex titħarreġ mill-ġdid u tiżviluppa ħiliet ġodda li jtejbu l-prospetti tiegħek biex issib impjieg.
Tista’ tikkuntattja lil Jobsplus. Agħti ħarsa lejn opportunitajiet ta’ xogħol u taħriġ li jingħataw minn Jobsplus billi tikklikkja hawn.
Tista’ wkoll tikkuntattja l-Kulleġġ Malti għax-Xjenza, l-Arti u t-Teknoloġija biex tara liema korsijiet huma disponibbli. Tista’ ssib korsijiet qosra jew part-time billi tikklikkja hawn.