ĠEMMA: Kun Af, Ippjana, Aġixxi, fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u l-Fondazzjoni HSBC Malta għal darba oħra qed jikkollaboraw fuq programm ta’ kapaċità finanzjarja immirat għat-tfal fil-livell tal-primarja li dan is-sajf qed jattendu Skolasajf. Il-programm huwa bbażat fuq logħob u workshop, intitolat “Fact or Fake” li jiffoka fuq l-iżvilupp tal-ħiliet meħtieġa biex isiru ġudizzji tax-xiri responsabbli meta jkunu influwenzati mir-reklamar tal-midja.
Il-workshop idaħħal lit-tfal f’diskussjoni dwar l-effetti tar-reklami qarrieqa u b’ hekk ikunu jistgħu jiddistingwu bejn reklami ġenwini minn reklami qarrieqa – u meta jagħmlu dan nintroduċu lit-tfal għall-kunċett ta’ bejgħ ta’ xi ħaġa li ma tgħoddx għalik. Matul il-workshop l-istudenti għandhom l-opportunità li jfasslu r-reklami tagħhom stess li wara jiġu diskussi fil-workshop.
David Spiteri-Gingell, il-Kap tat-Tim ĠEMMA, il-pjattaforma tal-kapaċità finanzjarja tal-Gvern, qal li “l-għan primarju ta’ ĠEMMA huwa li jrawmu lit-tfal bi prinċipji ta’ kapaċità finanzjarja – u b’hekk irawmu l-fehim tal-ħiliet tal-kapaċità finanzjarja minn età bikrija. Aħna ngħaqadna mal-Fondazzjoni HSBC Malta fis-sajf li għadda biex nintroduċu l-kapaċità finanzjarja bħala parti mill-kurrikulu ta’ Skolasajf; il-programm ta’ dan is-sajf għandu l-għan li jfiehem kif jaħdmu r-reklami, l-impatt tal-iskontijiet, u biex jinkiseb għarfien fuq it-tricks fil-prezzijiet u r-reklamar falz.”
Glenn Bugeja, il-Maniġer tas-Sostenibbiltà Korporattiva f’HSBC Bank Malta p.l.c., stqarr li “il-Fondazzjoni HSBC Malta hija impenjata ħafna biex trawwem il-kapaċità tal-istudenti żgħażagħ biex jifhmu u japplikaw kif xieraq l-għarfien u l-ħiliet tal-immaniġġjar tal-finanzi billi jipprovdu lill-istudenti opportunitajiet biex jitgħallmu jagħmlu ppjanar finanzjarju effettiv, ikollhom tekniki xierqa ta’ bbaġitjar, filwaqt li jipprijoritizzaw it-tfaddil u jieħdu deċiżjonijiet ta’ xiri razzjonali. Huwa għalhekk li aħna nkunu veru kuntenti li nikkollaboraw u nappoġġjaw lil ĠEMMA u lill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi fuq dan il-proġett importanti.”
Il-membri tat-Tim ta’ Appoġġ tal-Matematika u l-koordinaturi tal-workshop Amanda Cilia u Analisa Magro jaqblu li wliedna għandhom ikunu konxji tat-tricks fil-prezzijiet, għaliex huwa essenzjali li jiġu ffrankati l-flus u jintużaw bil-għaqal.
Dermot Galea, CEO tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, li jamministra Skolasajf, faħħar is-sħubija annwali mal-HSBC. “L-introduzzjoni tas-suġġett tal-litteriżmu finanzjarju fil-programm Skolasajf kien definittivament pass fid-direzzjoni t-tajba, li jgħin lit-tfal isiru ċittadini maturi li jistgħu jagħmlu għażliet finanzjarji infurmati,” ikkonkluda Dermot Galea.
Iż-żjarat huma skedati f’Lulju u kmieni f’Awwissu b’totali ta’ 12-il siegħa tagħlim għal kull għalliem. Dan il-proġett huwa wieħed minn ħafna li l-Fondazzjoni HSBC u ĠEMMA qed jaħdmu f’kollaborazzjoni biex itejbu l-litteriżmu finanzjarju fost it-tfal tal-iskejjel.