Jekk tieqaf taħdem għal xi perjodu matul il-ħajja tax-xogħol tiegħek u tkompli fi stadju aktar tard, il-pensjoni tal-istat tiegħek tista’ tiġi affettwata.
Jekk m’għandekx rekord sħiħ tal-kontribuzzjoni, inti tirriskja li ma tikkwalifikax għall-pensjoni sħiħa ta’ żewġ terzi. Dan ifisser li jkollok id-dħul tal-pensjoni mnaqqas.
Jekk int impjegat/a jew taħdem għal rasek, għandek l-għażla li tħallas il-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali biex tpatti għal kwalunkwe nuqqas fir-rekord tal-kontribuzzjoni tiegħek u eventwalment ittejjeb ir-rata tal-pensjoni tiegħek.
L-iskema hija applikabbli għal dawk il-persuni li:
- bħalissa huma impjegati jew jaħdmu għal rashom;
- għandhom minn 59 sena sa 65 sena (inkluż il-65 sena);
- jiddeċiedu li jħallsu kontribuzzjonijiet sa massimu ta’ 5 snin (260 kontribuzzjoni).
Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jitħallsu biss għal perjodi ta’ residenza f’Malta.
Ir-rata applikabbli dovuta hija r-rata attwali tal-Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali tal-Klassi 2 SA, li fl-2020 hija ta’ €30.77 għal kull kontribuzzjoni.
Għall-pagament b’lura tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, jeħtieġ li timtela l-applikazzjoni mehmuża u tiġi sottomessa.
Il-kont se jinkludi wkoll indikazzjoni tad-differenza fir-rata tal-pensjoni sabiex tiddeċiedi jekk ikunx jaqbillek li tħallas kontribuzzjonijiet addizzjonali jew mod ieħor.
Il-persuni li għandhom dħul mill-kummerċ, in-negozju, il-professjoni, jew kwalunkwe attività ekonomika oħra li naqsu milli jħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tagħhom għandhom l-għażla li jħallsu l-5 snin tal-istorja kontributorja tas-sigurtà soċjali tagħhom fiż-żmien meta jiddeċiedu li jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom.