Dan l-artiklu ġie ppostjat minn Tom Harman fuq is-sit minn New Zealand bl-isem ta’ Sort-it. Dan qed jiġi ppreżentat fuq il-portal ĠEMMA. L-artiklu oriġinali jinsab f’din il-link: https://sorted.org.nz/must-reads/how-to-Stay-safe-from-scams-During-covid-19/
Jekk hemm xi ħaġa li fiha l-iscammers huma prevedibbli, hija li dawn se jipprovaw jieħdu vantaġġ ta’ nies kull xħin jistgħu. Huma jaraw dan bħala opportunità. Sfortunatament, il-frodisti qatt mhu se jħallu kriżi tgħaddi mingħajr ma japprofittaw. Fejn ikun hemm kuxjenza pubblika kbira dwar xi suġġett partikolari, warajha se jitfaċċaw scams relatati magħha. Jeħtieġ li nibqgħu attenti biex nevitaw li l-flus jew l-identitajiet tagħna jinsterqu.
U fi żminijiet meta kollox jidher ikrah – inkwetati dwar is-saħħa tal-persuni għeżież għalina, dwar xogħolna, kif se nimmaniġġjaw meta d-dħul ikun naqas – il-periklu li naqgħu għal xi scam huwa ferm aktar probabbli milli fil-ħajja normali tas-soltu, għax bħal donna nkunu rridu nemmnu fl-aħħar waslet aħbar tajba għalina.
Il-frodisti qed jużaw il-COVID-19 bħala mod kif jiġbdu l-attenzjoni tagħna. Dawn huma xi eżempji:
- emails jew messaġġi li jilagħbuha li se joffru aġġornamenti ta’ informazzjoni jew aċċess għaċ-ċentri tal-ittestjar, li jitolbu lir-riċevituri jdaħħlu informazzjoni personali jew jikklikkjaw fuq links. Il-links jinstallaw softwer malizzjuż, li jippermetti lill-iscammers isibu passwords, jaċċessaw kontijiet tal-email u jniżżlu informazzjoni personali bħad-dettalji tal-kont bankarju.
- offerti ta’ App b’”mappa tal-Coronavirus”, liema App jgħidulek li tgħinek tintraċċa l-pandemija, iżda minflok iniżżel softwer malizzjuż fit-tagħmir tiegħek.
- telefonati min-nies mhux mistennija b’offerti ta’ investimenti fl-industriji li qed jesperjenzaw domanda akbar minħabba l-virus, bħal pereżempju l-industrija tal-farmaċewtika, jew f’”rifuġji siguri” bħad-deheb.
- telefonati minn scammers li jagħmluha ta’ uffiċjali tas-saħħa li jitolbu l-informazzjoni personali tiegħek, jew jgħidu li għandhom riżultati tat-test iżda jeħtieġu d-dettalji tal-karta ta’ kreditu tiegħek biex jipproċessaw pagament.
Ftakar li kulħadd jista’ jaqa’ vittma għal scam – speċjalment meta inti tkun għaddej/a minn perjodu stressanti. U l-COVID-19 għamel ċert li lkoll kemm aħna nkunu taħt stress! In-networks ta’ frodi huma sofistikati, u t-tekniki tagħhom huma aktar probabbli li jirnexxu meta n-nies jiġu distratti u stressjati. Netsafe, l-organizzazzjoni online mingħajr skop ta’ qligħ, tindika xi sinjali li għandek tkun konxju/a tagħhom li juruk li inti tkun fil-mira.
- Ġejt ikkuntattjat/a minn xi ħadd mingħajr mistenni.
- Ġejt mitlub/a l-password tiegħek.
- Ġejt mitlub/a tivverifika l-kont jew id-dettalji tiegħek.
- Ġejt mitlub/a tagħti aċċess remot għat-tagħmir tiegħek.
- Ġejt ippressat/a biex tieħu deċiżjoni malajr.
- Ġejt mitlub/a tħallas b’mod mhux tas-soltu.
Dawn huma kollha sinjali ta’ periklu. Ftakar, il-kumpaniji leġittimi jew l-aġenziji tal-gvern qatt mhu se jitolbu l-passwords tiegħek. L-iscammers jixtiequ jużaw pagamenti li ma jistgħux jiġu rintraċċati. U sfortunatament, l-organizzazzjonijiet jistgħu jidhru reali meta ma jkunux.
Hawn huma l-aqwa suġġerimenti tagħna biex tibqa’ sigur/a:
- Ieqaf u aħseb: dan huwa veru?
- Ikklikkja biss fuq links jekk tkun 100% ċert/a li huma leġittimi.
- Ftakar li l-uffiċjali tas-saħħa mhux se jistaqsu għal passwords jew jistennew ħlas għat-testijiet. Jekk tirċievi talba bħal din, ħassarha jew aqta’.
- Jekk int suspettuż/a minn min qed iċempillek, aqta’ u ċempel in-numru uffiċjali tal-organizzazzjoni li qallek li hu jirrappreżenta biex tiċċekkja jekk is-sejħa kinitx ġenwina.
- Evita t-telefonati mhux mistennija b’offerti ta’ investiment; dawk huma illegali. Aqta’!