Minbarra l-fatt li t-tfal jikbru b’pass mgħaġġel, it-tfal qed jimmaturaw aktar malajr minn qatt qabel.
Bħala ġenitur tista’ tħossok xi ftit mitluf dwar kif ser tfiehem lil ibnek jew bintek biex jibżgħu għall-flus u biex iqisu l-infiq ta’ flus li tagħtihom int jew li jingħataw bħala rigali, eċċ.
Hemm numru ta’ azzjonijiet li tista’ tikkunsidra biex tgħin lit-tfal adolexxenti tiegħek fl-aħjar mod ta’ kif iħaddmu flushom. Numru minnhom huma ppreżentati hawn taħt.
Issettja għotja ta’ flus fil-ġimgħa għat-tifel jew tifla tiegħek. Din se tinkoraġġihom jibbaġittjaw. Biex jitgħallmu jżommu baġit, importanti li t-tfal iridu jinżammu fuq baġit. B’hekk jekk qiegħed f’pożizzjoni li tista’ tagħti lit-tfal tiegħek xi ħaġa tal-flus fil-ġimgħa, żomm ma’ ammont stipulat fil-ġimgħa. Agħmilhielhom ċara li dak l-ammont ta’ flus li qed tagħtihom iridu jgħaddu bih ġimgħa.
Tagħtix flus lit-tfal tiegħek aktar minn dak l-ammont stipulat li tkun diġà tajthom għax inkella dan inissel sens li jekk wieħed jonfoq aktar minn dak li hu intitolat jonfoq ma jkun ġara xejn għaliex jassumi li int tkun ser tagħtihom aktar flus jekk ikunu jixtiequ hekk.
Jekk tagħti aktar flus minn dak stipulat tkun qed tħassar dak l-isforz li tkun għamilt biex tgħallem lit-tfal dwar dawk il-ħiliet bżonnjużi kif timmaniġġja l-flus bl-aħjar mod. Biex it-tfal adolexxenti jitgħallmu dak li huwa bażiku dwar it-tħaddim tal-flus, hemm bżonn li jifhmu b’mod realistiku xi jfisser dan u l-implikazzjonijiet involuti meta jispiċċawlhom il-flus riżultat ta’ nfiq bl-addoċċ.
Tagħtix lit-tfal tiegħek flus addizzjonali għal xejn b’xejn jekk tinqala’ sitwazzjoni valida. Meta wieħed jirċievi flus mingħajr ebda kundizzjoni ma jkunx qed jitgħallem is-sens tal-valur tal-flus. Għaldaqstant, f’każ simili, biex tagħtihom xi ħaġa tal-flus fassal pjan ta’ qadjiet li jridu jagħmlu – eżempji: il-ħasil tal-karozza, jieħdu ħsieb l-annimali domestiċi, jieħdu ħsieb ħuthom iż-żgħar u affarijiet simili. B’dan il-mod it-tifel jew tifla tiegħek jitgħallmu x’inhu l-valur tal-flus, u għaldaqstant jibdew jimmaniġġjawhom aħjar, jekk huma jkollhom jagħmlu sforz akbar biex jirċievu l-ammont tal-ġimgħa jew xi flus addizzjonali oħrajn li jistgħu jitolbu.
Hekk kif it-tfal tiegħek isiru adolexxenti, jibdew jagħmluha ma’ tfal oħrajn u jsiru aktar indipendenti u jibdew jieħdu sehem f’attivitajiet ġodda fosthom jiffrekwentaw xi tfajla jew ġuvni jew joħorġu fiż-żoni tad-divertiment jew jiffrekwentaw stabbilimenti ta’ divertiment. Meta tistabbilixxi l-ammont stipulat, li jkun il-baġit tagħhom, kun ġust u ara li taffordjah. Żomm f’moħħok l-ispejjeż tal-iskola u tat-traġitti, stationery għall-iskola, oġġetti oħra għalihom personali, flus biex joħorġu, eċċ. Kun ġust iżda tesaġerax meta tagħtihom il-flus tal-ġimgħa. L-iskop hu li tagħti lezzjoni lit-tfal kif jgħaddu bil-flus li tajthom u dan ifisser li dawn iridu jitgħallmu kif jamministrawhom, li jfisser li hemm ċans aħjar li jitjiebu kif jimmaniġġjaw flushom.
Li tistabbilixxi ammont stipulat iwassal biex:
- jifhmu s-siwi tal-flus;
- jipprovdilhom opportunitajiet biex jagħżlu;
- jipprovdilhom opportunitajiet biex jieħdu deċiżjonijiet;
- jaħsbu b’attenzjoni għal għanijiet fit-tul u kif tilħaqhom (pereżempju tfaddil kull ġimgħa għal laptop);
- jagħtihom grad ta’ libertà;
- jagħtihom kontroll fl-esperjenza tagħhom ta’ kuljum;
- jippreżentalhom ambjent tajjeb biex jitkellmu dwar il-flus;
Inkoraġġihom isibu xogħol fis-sajf jew wara l-iskola. Jekk jaħdmu biex jaqilgħu flushom jitgħallmu bl-esperjenza l-importanza tal-indipendenza li tasal meta jibdew jaqalgħu l-flus huma stess. F’dan il-każ, poġġi limitu ta’ kemm ser jonfqu flus milli jaqilgħu huma stess. It-tfal tiegħek iridu jitgħallmu li r-riżultat tal-infiq bla rażan u nfiq mhux għaqli (irrispettivament jekk jaqilgħuhx huma jew dak li tagħtihom int) ser iwassal biex jispiċċaw bla flus aktar kmieni milli jaħsbu.
Il-vantaġġi ta’ impjieg part-time jew xogħol tas-sajf huma numerużi. Dawn jinkludu:
- ikunu jaħdmu għal flushom biex iżidu d-dħul tagħhom;
- ikunu jpoġġu fil-prattika l-ħiliet għall-ibbaġitjar fil-prattika u jkollhom perspettiva li taħdem u utli;
- jistgħu, sa ċertu punt, isostnu lilhom infushom finanzjarjament;
- isiru indipendenti;
- jesperjenzaw id-dinja ta’ barra;
- ikollhom il-perċezzjoni tad-dinja ta’ barra;
- ipoġġu fil-prattika l-għarfien tagħhom;
- jelaboraw l-għarfien tagħhom stess;
- jagħtu sinifikat lill-esperjenzi tagħhom;
- jifhmu kif l-affarijiet jitwaħħdu flimkien;
- isiru konxji tal-iżbalji;
- jiżviluppaw ħiliet ta’ self-checking u self-correcting.
Edukahom li meta tagħtihom ammont ta’ flus fil-ġimgħa ma jfissirx li jistgħu jagħmlu li jridu bih. Huwa importanti li tgħallem lit-tfal is-sens ta’ x’inhu dak li hu neċessarju li tixtri u dak li mhuwiex.
Pereżempju urihom li m’hemmx differenza bejn l-aqwa mowbajl u ieħor xi ftit anqas; dan tal-aħħar ser jipprovdihom b’85% tal-funzjonijiet li għandu l-ieħor. Għinhom jifhmu li meta ser imorru għall-aqwa wieħed mhux ser iħallihom f’sitwazzjoni aħjar; ser iħallsu ħafna aktar flus għall-isem tad-ditta. Il-mowbajl li jiswa anqas mhux talli ser iħallihom iniżżlu l-Apps bħal Facebook u Instagram, Whatsapp, email, eċċ. iżda ser iħallilhom iktar flus fil-but li bihom jistgħu jagħmlu jew jixtru affarijiet oħrajn.
Inkoraġġihom jiftħu kont tat-tfaddil u spjegalhom x’inhu kont ta’ tfaddil jew inkoraġġihom biex jistaqsu u għallimhom l-importanza li jfaddlu flushom. Jekk tkun taf li għandhom bżonn jibdew ifaddlu għal xi ħaġa, urihom kif għandhom jagħmlu biex jirnexxilhom jagħmlu dan. Jekk tkun tista’, inċentivahom – agħtihom parti jew daqs l-ammont li jkun faddlu huma stess.
It-tagħlim ta’ kif wieħed għandu jamministra flusu jieħu ż-żmien. Bħala adulti xi drabi, aħna stess, insibuha diffiċli li nżommu ma’ baġit stipulat. It-tfal mhux ser isiru esperti tal-immaniġġjar tal-flus mill-ewwel.