Iż-żwieġ huwa wieħed mill-isbaħ jiem ta’ ħajtek. Barra minn hekk, iż-żwiġijiet f’Malta huma avvenimenti soċjali importanti. Tradizzjonalment missier l-għarusa jkun dak li jħallas għat-tieġ tat-tifla. Iżda kemm jekk ser tkun int jew il-partner, missierek, jew jekk qed tikkontribwixxu flimkien għat-tieġ, kun ċert li tonfoq skont dak li tista’ taffordja verament.
Iddiskuti mal-partner tiegħek, u mal-familja jekk qed jgħinuk, minn kmieni fuq il-mod li tixtiequ tiffinanzjaw it-tieġ tagħkom. Flimkien mal-għarus/a u l-familja, araw kemm tixtiequ tonfqu fuq it-tieġ u fuq kull oġġett individwali. Meta tkunu qed tippjanaw it-tieġ, ikkunsidraw ir-rigali fi flus li tistgħu tirċievu. Toqgħodx lura milli titlob rigali fi flus lill-mistednin tiegħek.
Għandek tevita li tonfoq aktar fuq it-tieġ tiegħek minn dak li tista’ taffordja. Jekk tagħmel hekk tkun qed tpoġġi lilek innifsek f’pożizzjoni fejn tkun għadek qed tħallas il-kontijiet tat-tieġ sa sentejn jew tlieta wara. Jekk tpoġġi lilek innifsek f’pożizzjoni bħal dik, tista’ ssib li l-ewwel snin taż-żwieġ jistgħu jkunu stressanti b’mod partikolari jekk kont qed tippjana li trabbi familja.
Huwa importanti li tiddeċiedi x’tip ta’ tieġ trid u kun ċert li jkun dak li tista’ taffordja. It-tiġijiet f’Malta għandhom tendenza jkunu kbar bil-ġenituri jinfluwenzaw il-lista tal-mistednin. Barra minn hekk, jintefqu flus fuq l-aqwa affarijiet – is-sala, il-karozzi, l-ikel u x-xorb, il-libsa tal-għarusa, eċċ.
L-ispiża tat-tieġ tiegħek tiddependi minn dawn:
- In-numru ta’ mistednin.
- Is-sala tat-tieġ.
- L-inviti
- Tifkiriet tat-tieġ.
- Miżati tal-Knisja (jekk ser tiżżewweġ bil-Knisja).
- Il-libsa, xagħar u makeup tal-għarusa.
- Il-libsa, xagħar u makeup tal-bridesmaids.
- L-ikel u x-xorb
- Il-kejk tat-tieġ
- Il-mużika ta’ matul iċ-ċerimonja u waqt il-festin tat-tieġ
- Fotografija u film
- Il-fjuri u dekorazzjoni
- Il-karozzi
- Rigali
- Il-libsa tal-going away
- Il-planner tat-tieġ, jekk se tuża wieħed.
Ipprijoritizza dawk l-aspetti tat-tieġ tiegħek li huma l-aktar importanti għalik. Uża l-baġit tiegħek biex tqassam il-prijoritajiet. Ladarba tiddeċiedi dwar il-baġit tiegħek abbażi tal-pjanijiet tat-tieġ, żomm kemm mal-baġit u kemm mat-tieġ. Meta tkun qed iddur biex tiġbor l-istimi, x’aktarx li ser tiltaqa’ ma’ karozzi, ilbiesi, rigali, eċċ li jkunu isbaħ minn dawk li tista’ taffordja bil-baġit tiegħek, u x’aktarx li jkunu hekk ladarba jiswew aktar. Tista’ taqa’ fit-tentazzjoni li tonfoq ftit aktar fuq ħaġa u ftit aktar fuq l-oħra u meta tpoġġi l-kontijiet kollha flimkien tinduna li nfaqt ferm aktar minn dak li taffordja verament.
Dur u iġbor l-istimi qabel ma tieħu kwalunkwe deċiżjoni biex tixtri. Toqgħodx lura milli tinnegozja l-aħjar prezz għalik.
Dawn li ġejjin huma xi pariri li wieħed jista’ jsegwi meta jkun qed jippjana t-tieġ.
- Ibda warrab il-flus għat-tieġ minn xhur qabel.
- Organizza t-tieġ barra l-istaġun, b’hekk tkun tista’ ssib prezzijiet aħjar.
- Jekk tista’, evita milli tħallas għat-tieġ tiegħek bi kreditu għax l-interessi jistgħu jżidulek il-kont bil-mijiet.
- Ipprova nnegozja biex tħallas l-ispejjeż fuq numru ta’ xhur u b’dan il-mod tiżgura li tifrex l-ispejjeż fuq perjodu ta’ żmien li jippermettilek tieħu ftit tar-ruħ.
- Illimita n-numru ta’ bridemaids għax dan inaqqas l-ispejjeż fir-rigward ta’ ilbiesi, make-up, xagħar, eċċ.
- Kun avventuruż/a: minflok tikri xi servizz għoli tal-fotografija, qassam numru ta’ kameras tar-ritratti li jintużaw darba biss ma’ xi wħud mill-ħbieb qrib tiegħek u itlobhom jieħdu ritratti tiegħek. Żgur li tiġik ferm orħos u r-ritratti ser jaqbdu l-mumenti ‘veri’ tat-tieġ.
- Tonfoqx rigali ta’ flus li kont inkludejt bħala parti mill-istima tal-baġit tat-tieġ fuq affarijiet oħrajn.
- Kun innovattiva/a: L-inviti u r-rigali tal-going away agħmilhom int stess.