Li tidħol għal relazzjoni, jew tkun f’relazzjoni, iġġib magħha opportunitajiet ġodda biex tibni l-ġid li ma tkunx tista’ tkattru waħdek.a
Meta tgħix flimkien mal-partner tiegħek taħt saqaf wieħed, jew tiżżewweġ, ifisser li intom tistgħu taqsmu l-qligħ, l-ispejjeż u l-pjanijiet finanzjarji tagħkom.
Huwa importanti li tagħmlu l-pjanijiet finanzjarji tagħkom bħala koppja u tiżguraw li tissodisfaw il-ħtiġijiet kemm tiegħek kif ukoll tal-partner.
Inti u l-partner tiegħek jista’ ma jkollkomx l-istess attitudnijiet finanzjarji. Inti tista’ tħossok komdu li jkollok dejn konsiderevoli fuq id-dar, għax l-interessi huma baxxi. Madanakollu, il-partner tiegħek jista’ jkun li trabba f’familja fejn lanqas biss jgħaddilha ħsieb li wieħed jidħol għal kwalunkwe dejn. Għall-partner tiegħek, id-dejn ifisser insigurtà minħabba l-biża’ li jekk l-affarijiet imorru ħażin hu jew hi ma jkunux jistgħu jħallsu d-dejn u b’hekk isibu rwieħhom taħt pressjoni biex iżommu d-dar.
Jista’ jkun ukoll li l-partner tiegħek ikollu dħul ogħla minn tiegħek u jkun irid iħallas kollox hu bil-konsegwenza li jġiegħlek tħossok obbligat lejh/a.
Tkun xi tkun is-sitwazzjoni, li wieħed jaqsam id-deċiżjonijiet rigward l-infiq u t-tfaddil, u li jkun hemm diskussjoni miftuħa fuq il-flus, tgħin biex ikunu evitati l-argumenti u t-tensjonijiet. Aktar importanti, dan jista’ jagħti spinta lill-ġid tagħkom tul il-ħajja billi taqblu dwar direzzjoni komuni fir-rigward tal-għażliet finanzjarji.
Jekk tibda tgħix taħt saqaf wieħed mal-partner tiegħek, jew diġà qed tgħixu flimkien, huwa probabbli li tibdew taqsmu l-kontijiet u spejjeż komuni oħrajn. Ikun hemm bżonn li taslu għal qbil fuq sistema biex dawn jitħallsu – xi ħadd minnkom ser jieħu r-responsabiltà li jħallashom kollha, jew ser taqsmuhom bejnietkom?
Bħala koppja, jista’ jkun hemm modi differenti ħafna kif tagħmlu dan. Tistgħu taqsmu dak kollu li għandkom jew iżżommu kollox separat u taqsmu l-ispejjeż daqslikieku żewġ persuni li qed jaqsmu appartament bejniethom.
L-importanti huwa li jkun hemm ftehim ċar bejnietkom u għaldaqstant tevitaw tensjonijiet u stress bla bżonn dwar kwistjonijiet finanzjarji.
Aktar ma jgħaddi ż-żmien, tistgħu ssibu rwieħkom li qed tibdew tgħaqqdu aktar il-finanzi tagħkom flimkien – bħal pereżempju li tiftħu kont bejnietkom biex tkopru l-kontijiet u spejjeż oħrajn, jew kont tat-tfaddil għal affarijiet oħrajn bħall-btajjel.
Meta tiltaqa’ ma’ partner, normalment inti tkun qed tfittex relazzjoni fit-tul. Il-firda hija l-aħħar ħaġa li tgħaddilek minn moħħok. Iżda dawn l-affarijiet jiġru. Kif ser tipproteġi dak li għandek? U kif ser timmaniġġja dak li għandek tagħti?
Dak li jiġri wara li tnejn jinfirdu, mil-lat finanzjarju, jiddependi mill-istat tal-kontijiet, tfaddil, proprjetà u djun. Hija idea tajba li jinżamm rekord tad-djun u l-ispejjeż matul ir-relazzjoni tagħkom biex b’hekk ma jkunx hemm sorpriżi jekk l-affarijiet ikollhom jispiċċaw.
Dan jinkludi li wieħed ikun jaf dwar xiri bin-nifs, djun fuq karozzi, karti ta’ kreditu u xi djun oħrajn li inti jew il-partner stajtu dħaltu għalihom, bħala individwi jew bħala koppja. Żomm f’moħħok li tista’ tiġi mfittex għal ħlasijiet jekk ismek jirriżulta fuq kwalunkwe ftehim jew inti kont qbilt li tagħmilha ta’ garanti.
Jekk l-eks partner ma jħallasx id-djun li qegħdin f’isimkom it-tnejn jew li intom tajtu garanzija fuqhom, dan jista’ jaffettwa r-relazzjoni tagħkom mal-bank jew l-istituzzjoni.
Dawn li ġejjin huma pariri li wieħed jista’ jimxi magħhom:
- Jekk ir-relazzjoni tibda tisserja u inti għandek assi sostanzjali li tkun tixtieq tipproteġi, tkellem ma’ avukat u tista’ tikkunsidra li tfassal kuntratt ta’ qabel iż-żwieġ – kuntratt li jidħol fis-seħħ qabel iż-żwieġ jew l-unjoni ċivili li jinkludi l-proviżjonijiet għall-qsim tal-proprjetajiet f’każ ta’ separazzjoni, divorzju jew xoljiment taż-żwieġ.
- Jekk ir-relazzjoni tisfaxxa:
- Kun żgur li l-paga tiegħek tmur fil-kont tiegħek (u mhux fil-kont bi sħab) u biddel il-password u n-numri tal-PIN li jista’ jkun jafhom il-partner tiegħek.
- Jista’ jkun li jkollok tiffriża jew tagħlaq kull kont, self jew dejn li kontu għamiltu flimkien, inkluż dawk fejn il-partner tiegħek kellu biss drittijiet tal-utent awtorizzat.
- Żomm nota ta’ dak kollu li għandu x’jaqsam mal-finanzi f’każ li jinqala’ diżgwid aktar ’il quddiem.
- Sib qbil dwar id-distribuzzjoni tal-assi (dak li tippossedi/u), inkluż l-isem fuq it-titolu ta’ assi reġistrati bħal karozzi u djar.